Lokali

Ian Borg joħroġ jattakka lill-bdiewa

Ritratt: Joseph Galea

Il-Ministru responsabbli minn Infrastructure Malta, Ian Borg, jidher li ma jaf xejn dwar il-pjanti tal-proġett li se jwassal biex il-Gvern jgħaddi romblu fuq il-bdiewa Qriema.

B’reazzjoni wara l-protesta li nżammet is-Sibt li għadda, Ian Borg qal biss li l-proċess marbut ma’ dan il-progett infrastrutturali għadu fi stat bikri …u l-pjanti jistgħu jinbidlu, kif ġara fi proġetti oħrajn.

Iżda meta mistoqsi speċifikament dwar l-20 tomna ta’ għelieqi li flimkien ma’ ġibjun kbir tal-ilma se jkunu qed jintilfu, hu baqa’ jinsisti li għandna nistennew il-pjanti u li l-mistoqsijiet qed jitwieġbu minn Infrastructure Malta.

Infrastructure Malta hi dik l-Aġenzija tal-Gvern li, matul il-protesta tas-Sibt sar magħruf li l-Kap Eżekuttiv tagħha qal lill-bdiewa ..”intom gawdejtu biżżejjed”.

Mistoqsi dwar l-akkuża tal-bdiewa li l-Gvern se jaqbad u jieħdilhom l-art mingħajr l-ebda avviż, Ian Borg qal biss li dawn kienu l-ewwel li kienu infurmati bl-ewwel verżjoni tal-pjanti tal-proġett.

Il-mod kif se taġixxi Infrastructure Malta ġibdet il-kritika ta’ ħafna … fosthom tal-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca, li qalet li dak li se jiġri hu stupru li se jkompli.

Għaldaqstant, appellat lill-Aġenzija tal-Gvern biex tkun trasparenti, tinforma bl-aktar mod ċar u tgħid xi studji fuq l-impatt għamlet, filwaqt li stiednet lill-Aġenzija tippubblika dawn l-istudji. Tenniet li l-Kunsill Lokali għandha tkun ikkonsultata u tissejjaħ Laqgħa Pubblika għall-Qriema.

Min-naħa tiegħu, l-eks Prim Ministru u llum Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Alfred Sant, qal li l-protesti tas-Sibt kienu ġustifikati għax ma jistax ikun li jitkabbru t-toroq prinċipali askapitu tal-art agrikola.

Alfred Sant qal li ma jistax ikun nibqgħu nħallu t-traffiku jiddetta l-użu tal-art li baqalna mhux mibnija għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jidher ċar li Infrastructure Malta ssir trasparenti u ħafna aktar accountable.

Iżda dwar dawn ir-reazzjonijiet, il-Ministru ta’ Infrastructure Malta qal li dan kollu juri li dawn ma rawx il-pjanti qabel ma jibda x-xogħol.

Intant, anke l-Kunsill Laburista ta’ Hal Qormi hareg jikkritika dan il-progett fil-bypass tal-Imriehel…u kkonferma li fl-ebda hin ma kien ikkonsultat. Bis-Sindku jghid li din it-triq se tkun “hnizrija”.