Dawn li ġejjin se jkunu ġimgħat kruċjali għall-linja Nazzjonali tal-ajru l-Air Malta.
Il-kumpanija kienet diġà ilha x-xhur tipprova żżomm milli tikkrolla finanzjarjament… u d-daqqa tal-pandemija kienet kważi fatali… biex issa s-sitwazzjoni hija waħda prekarja għall-aħħar u jekk mhux se jsir xi ħaġa immedjatament, il-futur se jkun qasir ferm għall-kumpanija u għall-ħaddiema tagħha.
Is-sitwazzjoni tant waslet fix-xifer li sorsi li tkellmu mal-ġurnal illum saħansitra qalu li jekk ma tinstabx soluzzjoni malajr… mhux se tkun kwestjoni ta’ tnaqqis ta’ ħaddiema jew ta’ flotta… imma l-kumpanija jkollha tagħlaq il-bibien tagħha darba għal dejjem.
Fl-aħħar ġranet il-Mninistru tal-Finanzi Clyde Caruana żerżaqha li l-Air Malta se jkollha tbiddel il-mod kif topera… mingħajr ma ta informazzjoni dwar il-pjan tal-Gvern.
Caruana spiċċa bil-linja tal-ajru Maltija fil-portafoll tiegħu wara li l-Prim Ministru Robert Abela ħadha minn taħt idejn il-Ministru Silvio Schembri – xi ħaġa li ma niżlet tajjeb xejn ma’ dan tal-aħħar.
L-Air Malta fl-aħħar snin għaddiet minn taħt idejn Karmenu Vella, Konrad Mizzi u Silvio Schembri… b’Mizzi joħloq kontroversja kbira meta ta garanzija lill-bdoti … li s-suċċessuri tiegħu spiċċaw jiġġielduha fil-Qrati.
Issa, jidher li l-Gvern Malti dar fuq l-Unjoni Ewropea għal għajnuna biex isalva l-linja nazzjonali tal-ajru.
//= $special ?>