Wara aktar minn 24 siegħa li sar magħruf li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar aġixxiet ta’ sensar għal Yorgen Fenech, fi żmien meta kien diġà magħruf pubblikament li huwa s-sid tal-kumpanija korrotta 17 Black, il-Prim Ministru qed juri kemm hu dgħajjef billi għadu s’issa ma’ keċċiex lil Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari.
Hekk qal il-PN fi stqarrija maħruġa mid-deputat Karol Aquilina.
Il-PN qal li l-involviment ta’ Rosianne Cutajar f’negozju multi-miljunarju fl-interess ta’ persuna li kien diġà magħruf li huwa involut f’reati serji ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus, juri kemm bħala politiku Rosianne Cutajar għandha nuqqas gravi ta’ sens ta’ ġudizzju u li għaliha l-flus u l-ħbiberija ma’ nies bħal Yorgen Fenech, jagħtuha d-dritt li taġixxi bla ebda mistħija u b’impunità sħiħa. Dan kollu hu aċċettabbli għall-Prim Ministru Robert Abela li baqa’ s’issa ma lissen lanqas kelma waħda ta’ kundanna għall-aġir ta’ Rosianne Cutajar.
Il-Partit Nazzjonalista fakkar li f’Mejju tal-2019 kien diġà magħruf li Yorgen Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black u li din il-kumpanija kienet marbuta mal-kumpaniji Hearnville u Tillgate li jappartjenu lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Fl-istess żmien ukoll Rosianne Cutajar, bħal Malta u Għawdex kollha, kienet diġà taf li Yorgen Fenech huwa ħabib kbir ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi u li kien id-Direttur Maniġerjali tal-kumpanija li bniet il-power station tal-Electrogas.

Rosianne Cutajar tibqa’ sservi bħala Segretarju Parlamentari Laburista sakemm hija tgawdi l-fiduċja tal-Prim Ministru Robert Abela.
Bin-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu l-Prim Ministru qed jikkonferma l-fiduċja assoluta tiegħu f’Rosianne Cutajar u ma jara xejn ħażin fl-azzjonijiet u fl-imġieba tagħha.
Il-Partit Nazzjonalista jesiġi li l-Prim Ministru minnufih ikeċċi lil Rosianne Cutajar minn Segretarju Parlamentari u jibgħat messaġġ ċar u inekwivoku li aġir bħal tagħha mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika Ewropea li fiha suppost il-politiċi jaġixxu b’mod etiku u jinżammu responsabbli għan-nuqqasijiet tagħhom
//= $special ?>