Aktar pajjiżi, fl-aħħar sigħat, żiedu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar lejn ir-Renju Unit u lura minħabba l-varjant ġdid u aktar infettiv tal-Coronavirus.
Dan meta r-rappreżentanti tal-Istati-membri tal-Unjoni Ewropea kienu qed jiltaqgħu fi Brussell biex jiddiskutu reazzjoni koordinata fir-rigward tat-‘travel bans’ relatati għar-Renju Unit.
L-aħħar pajjiżi li sospendew it-titjiriet lejn ir-Renju Unit jinkludu l-Ġermanja, l-Indja, Hong Kong, il-Kanada u l-Iżvizzera.
Dan waqt li Franza għalqet il-fruntieri mar-Renju Unit għal 48 siegħa. Dan ifisser li t-trakkijiet ma jistgħux jivvjaġġaw bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, bin-nies ma jistgħux jaqbdu l-ferries mill-port ta’ Dover.
Waqfu wkoll is-servizzi bil-ferrovija lejn l-Ewropa permezz taċ-Channel Tunnel.
Fl-istess ħin, mistenni, ‘il quddiem, li jintlaħaq ftehim dwar protokoll ‘li jaċċerta li l-movimenti mir-Renju Unit ikunu jistgħu jkomplu taħt l-aktar kriterji serji ta’ sigurtà’. Dan qaluh is-sorsi qrib il-laqgħa għar-rappreżentanti tal-Gvernijiet organizzata fuq livell tal-Kunsill Ewropew.
Filwaqt li s-sitwazzjoni ġdida qed tkun analizzata bir-reqqa, il-Prim Ministru Britanniku, Boris Johnson, mexxa laqgħa għall-membri tal-kumitat tal-emerġenza tal-Gvern (tiegħu) – magħruf bħala COBRA.
Fl-aħħar jiem – minbarra l-Italja – il-varjant ġdid tal-Covid-19 kien indikat ukoll fid-Danimarka u l-Olanda, bis-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, jammetti, fl-aħħar sigħat, li dan il-varjant ġdid sar ‘inkontrollabbli’ f’pajjiżu.
Ir-rapporti kkonfermaw li l-maġġoranza assoluta tal-pajjiżi fl-Ewropa ħadu l-passi biex jissospendu t-titjiriet mir-Renju Unit – waqt li pajjiżi bħall-Greċja deċidew li jestendu l-perjodu ta’ kwarantina għan-nies li vvjaġġaw lejn arthom mir-Renju Unit.
Sadanittant, ir-Russja u l-Indja sospendew it-titirjiet mir-Renju Unit għal perjodu ta’ bejn ġimgħa u għaxart ijiem.
Ir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar lejn u mir-Renju Unit bdew japplikaw ukoll fl-Istati tal-Amerika Latina, waqt li passi simili ttieħdu minn Iżrael, l-Iran, il-Kroazja, il-Marokk u l-Kuwajt u l-Ġordan.
//= $special ?>