Lokali

“Irresponsabbli li jitħallew jaslu Malta persuni oħra għajr dawk residenti f’pajjiżna” – PN

L-aħħar żviluppi dwar il-varjant il-ġdid tal-COVID-19 huma inkwetanti u l-Gvern għandu l-obbligu li jeżerċita’ l-akbar kawtela possibbli biex is-sagrifiċċji kollha li saru fl-aħħar xhur mill-frontliners u l-poplu Malti u Għawdxi kollu ma’ jtirux mar-riħ.

Pajjiżna ma’ jistax jerġa’ jsofri l-konsegwenzi li sofra ftit tax-xhur ilu meta deċiżjonijiet manifestament żbaljati meħuda mill-Gvern, kontra l-pariri tal-professjonisti tas-saħħa u l-esperti fis-saħħa pubblika, wasslu għal kriżi bla preċedent fl-imxija tal-pandemija.

Il-Gvern għandu jaġixxi immedjatament u jillimita l-aċċess bl-ajru għall-Maltin u dawk residenti f’pajjiżna li jkunu qed jirritornaw lura. Dawn għandu jsirilhom test mandatorju fl-ajruport u wara jitpoġġew fi kwarantina.

Meta wieħed iqis li hawn ma’ l-erba’ titjiriet kuljum mir-Renju Unit li qed jaslu Malta huwa illoġiku u rresponsabbli li jitħallew jaslu Malta persuni oħra għajr dawk residenti f’pajjiżna biex meta jaslu jkunu obbligati li jagħmlu 14-il ġurnata fi kwarantina bir-riskji enormi kollha li dan se jġib miegħu għas-saħħa pubblika kif ukoll il-pressjoni ħafna akbar li se titpoġġa fuq l-uffiċjali ta’ l-istess saħħa pubblika li jkunu jridu jikkontrollaw u jinfurzaw l-istess kwarantina.