L-atleta Malti Kijan Sultana kien inawgurat rebbieħ tal-under 17 tal-iSquash fl-Awstralja. Din hija kisba importanti ghaż-żagħżugħ ta’ 16-il sena wara li rebaħ it-titlu tal-Junior Championships 2020 Gold Event fl-Awstralja, li huwa l-iktar turnament prestiġġjuż fl-Awstralja f’dan l-isport.
F’din il-kompetizzjoni li saret ġewwa l-Carrara Squash Centre fuq il-Gold Coast, Sultana kien f’forma impressjonanti fejn irnexxielu jirbaħ il-logħob kollha mingħajr ma tilef punt wieħed. Sultana għeleb lil Kumail Naqvi 11-4, 11-2, 11-3 fil-kwarti finali. Din kienet segwita b’rebħa komda oħra fis-semi finali kontra Charlie Carey ta’ 11-1, 11-4 u 11-5. Il-finali kienet iżjed kompetittiva iżda xorta ħareġ minn fuq kontra Kenneth Lamb bi skors ta’ 11-8, 11-5 u 11-4.
L-atleta Malti jinsab ġewwa Brisbane fl-Awstralja, fejn qed ikompli t-taħriġ tiegħu u jsegwu program professjonali tal-isquash fil-Bradley Hindle Art of Squash Academy.
Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, li tinsab ikkontrollata tajjeb fl-Awstralja, Sultana qiegħed jikkompeti l-iżjed ġewwa Queensland, fejn rebaħ riċentament l-iState Junior Championships.
Sultana jinsab ħerqan biex jerġa jibda jikkompeti fl-Ewropa la darba s-sitwazzjoni kurrenti taqleb għall-aħjar. Kijan Sultana huwa appoġjat minn Malta Sport Scholarships Scheme, Maltese Olympic Committee, Sports Malta u Malta Squash.
//= $special ?>