Lokali

Kwarantina għal min jasal mir-Renju Unit; sa issa t-titjiriet ma twaqqfux

Minn għada t-Tlieta, persuni li jkunu ġejjin Malta fuq titjiriet mir-Renju Unit se jkunu obbligati jagħmlu kwarantina mandatorja ta’ 14-il ġurnata.

Dan ħabbru l-Ministeru tas-Saħħa fi stqarrija fejn qal li fid-dawl tal-varjant il-ġdid tal-COVID-19 li nstab f’pazjenti f’dan il-pajjiż, u li d-deċiżjoni hija waħda temporanja anke għaliex l-Awtoritajiet tas-saħħa Maltin qegħdin isegwu l-iżviluppi fir-Renju Unit.

Intant bosta huma l-pajjiżi li diġa għalqu l-fruntieri mar-Renju Unit, minħabba s-sitwazzjoni prekarja bil-virus. Fosthom hemm il-Ġermanja, l-Italja, il-Belġju, l-Olanda, il-Bulgarija ir-Repubblika Ċeka, it-Turkija u Franza… kif ukoll il-Kanada, filwaqt li twaqqfu l-ferroviji miċ-Channel Tunnel.

Intant l-Unjoni Ewropea se tkun qed tiddiskuti s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa fir-Renju Unit biex toħroġ pożizzjoni komuni għall-pajjiżi membri kollha.