Lokali Qorti

Mhux ħatja li kkuppjat data base u li għamlet użu minnha

Mara ta’ 36 sena ma nstabitx ħatja li għamlet użu minn data base u li mmodifikata għall-vantaġġ tagħha meta din kienet tal-kumpanija li magħha kiene taħdem. Lorraine Ferriggi kienet impjegata mal-kumpanija Fast Track Logistics Company Limited propjetà ta’ ċertu Amri Mohammed.

Din il-kumpanija hija involuta fit-tagħlim tas-sewqan. Fil-kwerela li saret minn sid il-kumpanija gie allegat li Ferriggi kienet ikkuppjat xi data minn fuq id-database tal-kumpanija, liema database hija kellha aċċess għaliha.

Amri qal fil-Qorti li għandu skola tas-sewqan bl-isem Fast Track Driving Tuition. Lorraine Ferriggi kienet waħda mill-instructors tal-iskola u kienet damet taħdem mal-iskola ghal xi sitta jew seba’ snin.

Spjega li l-iskola għandha sistema fejn kull min imur biex jitgħallem, l-iskola tiġbor id-data ta’ kull student u imbagħad din tiddaħħal fis-sistema kompjuterizzata tal-iskola.

Din l-informazzjoni imbagħad tkun aċċessibbli għall-instructors kollha tal-iskola. Gurnata minnhom l-imputata qabdet u irritornat lura l-vettura tal-iskola u infurmat lill-iskola li hija ma kinitx sejra aktar għax-xogħol. Dan għamlitu permezz ta’ missierha.

Hija rritornat wkoll l-affarijiet kollha tal-iskola kif wkoll ħallset l-ammonti li kienu dovuti lilha lill-iskola. Ix-xhud kompla jghid li kienet għadha mank għaddiet ġimgha minn meta telqet, li ma bediex jara lil Lorraine Ferriggi fit-triq b’karozza personali tagħha u skola tas-sewqan tagħha.

Sostna li Ferriggi kienet qabdet il-klijenti li kienu tal-iskola u ħadithom hi. Huwa allega li Ferriggi kienet niżlet din id-data tal-istudenti mill-kompjuters tal-iskola. Hu kkonferma li l-iskola għandha sistema diġitali li tinkludi fost oħrajn id-dettalji tal-istudenti li jkunu jattendu l-iskola.

Lorraine Ferrigi kellha l-account taghha u dan kien aċċessibbli minnha biss. Hija kienet inghatat l-login u l-password mill-kumpanija tal-IT ingaġġati minn Amri. Mistoqsi x’użu hazin għamlet mis-sistema Ferriggi għaliex fil-Qorti ma kienet ġiet preżentata l-ebda sistema.

Lorraine Feriggi minn dejjem saħqet, anke max-xhud li ma kienet ħadet l-ebda data jew informazzjoni minghand il-kumpanija. Hija qalet li n-numri tal-mobiles tal-istudenti tagħha kienu issejvjati fuq il-mobile personali tagħha.

Ferriggi qalet ukoll li meta bdiet taħseb biex titlaq mill-iskola, hija kienet infurmat lill-istudenti tagħha u tathom l-għażla li jew jibqgħu mal-kumpanija jew inkella jagħmlu ‘transfer of school’ u jmorru mal-iskola tagħha.

Din l-għażla saret mill-istudenti b’mod volontarju. L-istudenti li kienu marru mal-iskola tagħha kienu imlew il-formoli biex jinfurmaw lil Transport Malta li kienu sejrin jibdlu l-iskola tas-sewqan. Id-dettalji personali kienu jimlewhom l-istudenti stess.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Misfud fis-sentenza tagħha qalet li ma tressqet l-ebda prova teknika dwar kif sar l-aċċess fid-data base minn naħa ta’ Ferriggi.

Hija wkoll qalet fil-Qorti li kienet anke tat il-login u l-password lil mart is-sid tal-iskola u li kellha d-dettalji kollha personali tal-istudenti tagħha. Il-Qorti għalhekk ma tistax tiddubbita minn dak li hija qalet.

Dan kollu aktar jkompli jsaħħaħ moħħ il-Qorti l-fatt li l-imputata ma kellha bżonn taċċessa l-ebda sistema biex hija tottjeni l-informazzjoni dwar l-istudenti għax tali informazzjoni jew kienet għandha diġa jew inkella giet mgħoddija lilha mill-istudenti infushom li imlew ic-“change of motoring school form.”

Ma inġabet ukoll l-ebda prova li l-imputata kienet għamlet xi download ta’ informazzjoni mis-sistema diġitali tal-iskola u għamlet uzu minn din l-informazzjoni li ġiet downloaded. Għaldaqstant il-Qorti ma sabitx lil Ferriggi ħatja tal-akkuzi kontriha. Għal Ferriggi deher l-Avukat Roberto Montalto. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Melvyn Camilleri.