Coronavirus Lokali Saħħa

Minn għada sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit

Minn għada, t-Tlieta 22 ta’ Diċembru ser ikunu sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit għajr għal Maltin u l-Għawdxin kif ukoll persuni oħra residenti Malta li preżentament jinsabu fl-Ingilterra, Wales, Skozja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Dan ħabbru l-Gvern Malti ftit wara li l-Partit Nazzjonalista ħeġġu sabiex ikun responsabbli u jieħu l-aktar deċiżjoni għaqlija bil-għan li ma tinxteħitx aktar pressjoni fuq is-saħħa pubblika.

Dan kollu fid-dawl tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li instab fir-Renju Unit hekk kif numru ta’ pajjiżi Ewropej aktar kmieni matul il-jum diġà ssospendew it-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit.

Ġie spjegat li dawk il-Maltin li għal xi raġuni jew oħra jinsabu f’dawn il-pajjiżi ser ikunu qed jingħataw l-opportunità li jirritornaw lura fil-Gżejjer Maltin, madanakollu ser ikun qed isirilhom swab test mandatorju mal-wasla tagħhom kif ukoll ser ikunu soġġetti għal kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.