Is-27 Stat membru tal-Unjoni Ewropea qed jippruvaw jikkordinaw ir-restrizzjonijiet għall-movimenti minn u lejn ir-Renju Unit. Dan wara li għexieren ta’ pajjiżi issospendew l-ivvjaġġar mir-Renju Unit fost l-allarm dwar il-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li feġġ aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-parti kbira tal-pajjiżi membri tal-Unjoni laħqu ħadu azzjoni fuq bażi individwali fil-konfront tal-aħħar kriżi tas-saħħa.
Intant, il-Kummissjoni Ewropea rakkmandat biex il-pajjiżi jneħħu r-restrizzjonijiet u jippermettu biex ikompli l-ivvjaġġar essenzjali. Madankollu, l-Istati tal-Unjoni huma ħielsa biex jimplimentaw il-politika tagħhom għall-kontrolli mal-fruntieri waqt li jkomplu b’aspetti ta’ politika individwali fl-eqqel ta’ din il-kriżi.
Għaldaqstant qed ikun propost li l-Istati membri tal-Unjoni jippermettu li n-nies jivvjaġġaw lejn pajjiżhom ta’ oriġini dment li jieħdu t-test għall-Covid-19 jew jagħmlu żmien jgħixu fi stat ta’ iżolament. Il-Kummissjoni, fl-istess ħin, ma tinkoraġġix l-ivvjaġġar mhux essenzjali għal dawn iż-żmenijiet.
Ir-Renju Unit u Franza kienu qed jippruvaw għal ftehim li jnaqqas mill-kaos u paraliżi li affettwat is-servizzi tal-ferrovija tal-Eurostar.
L-istat ta’ paraliżi għas-servizzi bil-Eurostar qed jaffettwa wkoll lill-Belġju u l-Olanda u l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-ħaddiema tat-trasport, fosthom ix-xufiera tat-trakkijiet, għandhom ikunu eżenti mir-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar u mit-testijiet għall-Covid fuq bażi mandatorja.
Ir-rakkmandazzjonijiet qed jitressqu lill-ambaxxaturi tal-Unjoni Ewropea u mistenni li l-Istati membri jikkunsidraw jekk jadottawx il-proposti jew le — minkejja l-probabbiltà kbira li l-pajjiżi jkomplu fit-triq li qabdu.
Fl-aħħar sigħat kien hemm aktar minn 1,500 trakk imwaħħlin f’Kent, fix-Xlokk tal-Ingilterra, waqt li l-mexxejja Britanniċi u Franċiżi kienu qed jippruvaw jaslu fi qbil għall-ftuħ mill-ġdid tal-fruntiera ma’ Franza. Fl-istess ħin, pajjiżi bħal Spanja, il-Portugall u l-Ungerija kienu qed jippermettu ‘biss’ ir-ritorn taċ-ċittadini tagħhom mir-Renju Unit.
//= $special ?>