Lokali Qorti

Hemm bżonn ta’ eżami ġeoliġiku fl-inħawi ta’ fejn mietet Miriam Pace wara li r-radam spiċċa disturbat

Hemm il-ħtieġa ta’ eżami ġeoloġiku fl-inħawi ta’ fejn  kienet tilfet ħajjitha Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu li għadda. Dan għaliex l-impatt tal-isplużjoni ddisturba wkoll ir-radam Dan ix-xogħol irid isir bir-reqqa fejn parti sew mill-istruttura trid tiġi żarmata sa mill-pedamenti tal-blokkok li hemm fl-inħawi.

Biex jerġa’ jitla’ dak li qabel kien maisonettes u garaxxijiet u biex isir il-pendament ta’ isfel u jiġu restawrati żewġ sulari jrid jiġi żarmat is-sit li jrid jiġi mnaddaf kollu. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Perit Joe Bugeja li għamel rapport għal armel ta’ Miriam Pace, Carmel Pace fuq id-danni li huwa ġarrab.

Huwa kien qed jixhed quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud fil-kumpilazzjoni fejn erba’ rġiel jinsabu akkużati bil-qtil involontarju ta’ Miriam Pace ta’ 54 sena. Il-Perit Bugeja ippreżenta dokument fil-Qorti wara l-istudju li għamel dwar it-tiġrif tal-inħawi.

Huwa qal li biex il-post jiġi għal li kien hemm bżonn ta’ ħafna xogħol bir-reqqa anke fuq il-materjal li għandu jinsab taħt il-garaxx, speċjalment fuq in-naħa tal-lemin, u dan minħabba li kien hemm pressjoni laterali mal-appoġġ u mal-propjeta adjaċenti.

Huwa qal li r-rapport sar biex ikunu magħrufa l-ispejjeż kollha meħtieġa li biex rranġata l-istruttura. Huwa qal ukoll li għamel rapport ukoll għal Carmelo Pace ieħor li għandu struttura fejn ikkollassat ir-residenza ta’ Miriam Pace. 

Sadanittant il-Perit Antoine Zammit minn Transport Malta qal li kellu kommunikazzjoni mal-Professur Alex Torpiano, li huwa wkoll Perit ta’ Infrastructure Malta.

Mix-xhieda ta’ Zammit u ta’ Torpiano, li t-tnejn xehedu fil-każ ħareġ li saret ħsara ta’ kważi €18,000 fit-triq tal-madwar fejn lanqas il-karozzi mhumiex jitħallew jipparkjaw minħabba l-periklu li tista’ tisfronda t-triq.

Xehed ukoll il-Perit Daniel Portelli li ppreżenta dokument għal John Sammut fuq ħsarat li huwa ġarrab fuq il-propjetà tiegħu, fosthom stima ta’ rekostruzzjoni dwar ħsarat u stima ta’ ħsarat oħra bħal kamra tal-banju

Xehedu wkoll l-esperti Dr. Daniel Vella u Dr. Matthew Grima  li wettqu kontinwazzjoni tax-xogħol li għamlu u żieda mar-rapport li għamlu fl-1 ta’ April fuq is-sit. Huma annaliżżaw biċċiet tal-aluninum u t-tifrik tal-istess biċċiet. Sar ukoll tqabbil ta’ ‘roofing membrane’ li kien hemm fuq il-gaffa.

Sadanittant inġibdet l-attenzjoni minn xi partijiet mid-difiża li sa rikors ieħor dwar talbiet biex fost oħrajn jitkompla ix-xogħol u li ċertu kumpanijiet iridu l-inġenji lura u biex dawn joħorġu mill-inħawi għax qed issirilhom ħsara.

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-Qorti kienet se tiċħad it-talba dwar dan kollu kif tagħti d-digriet dwar dan. Qal li l-ewwel irid jingħalaq il-każ. Mhux se jingħata permess lil ħadd u dan fid-dawl tal-fatt li ntilfet ħajja ta’ persuna u li din mhux se nġibuha lura.  Qal li min kerha xi nġenji lill-akkużati jrid jirranġa l-affarijiet magħhom.

Il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, l-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-Kuntrattur Ludwig Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiema Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba qegħdin jiġu akkużati li b’nuqqas ta’ ħsieb u traskuraġni kkawżaw il-mewt ta’ Miriam Pace.

L-erba’ rġiel qegħdin iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom bil-kuntrattur Dimech qed jiġi mixli wkoll li sar reċediv. Meta tressqu l-Qorti huma kienu ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €7,500.

Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Roberto Vella u Matthew Galea talbet lill-Qorti biex f’każ ta’ ħtija ż-żewġ Periti jittieħdilhom il-warrant. L-erba’ akkużati qegħdin jiġu mixlija wkoll li fil-jum tal-inċident u qabel bi traskuraġni, u b’nuqqas ta’ ħila fil-professjoni tagħhom għarrqu diversi propjetajiet fil-madwar.

Iż-żewġ Periti u ż-żewġ akkużat l-oħra qed jiġu mixlijin ukoll li biex jiksbu xi benefiċċju jew vantaġġ għalihom għamlu dikjarazzjoni falza fir-regolamenti skont l-Avviż Legali 136/2019.

Il-Perit Anthony Mangion qed jiġi mixli wkoll li fil-jum tal-inċident u fix-xhur ta’ qabel naqas li jkun preżenti fuq is-sit ta’ kostruzzjoni msemmi kull meta kienu qegħdin jittieħdu d-deċiżjonijiet li jaffettwaw ir-riskju ta’ ħsara lill-propjetà ta’ terzi persuni.

L-irġiel qed jiġu akkużati wkoll li kkaġunaw ħsara fil-propjetà tal-istess vittma u żewġha, kif ukoll f’dawk ta’ David Zerafa, Rosaria Zerafa, John Sammut, Grace Sammut, Joseph Sammut u l-kumpanija Edu Centre Limited.

Il-Perit Camilleri għandu jiddefendih lill-Avukat Arthur Azzopardi, l-Perit Mangion lill-Avukat Alfred Abela, l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għal Spiteri filwaqt li Dimech għandu jiddeffenduh lil Roberto Montalto, Michael Scirha u Franco Galea. L-Avukati Joe Giglio u David Bonello huma l-Avukati għan naħa tal-allegati vittmi. Il-każ se jkompli fit-28 ta’ Jannar fl-9.45am.