Kulħadd jaf kemm il-poplu Malti għandu għal qalbu l-ħobż Malti… ħobż biż-żejt ħdejn il-baħar… ħobża għadha ħierġa mill-forn bil-butir… probabbilment, l-itjeb ikla li wieħed jista’ jiekol.
Ftit tal-jiem ilu, tħabbar li l-ftira Maltija sabet postha fil-lista tal-Wirt Kulturali Intanġibbli tal-UNESCO.
Ftira li tinħadem b’mod tradizzjonali u hija mfittxija minn ħafna, kemm Maltin kif ukoll barranin… b’bosta jkunu innovattivi fil-mod kif din il-ftira titħawwar billi din tkun imżewqa bl-aqwa ingredjenti.
L-għażla tal-ftira biex tkun inkluża f’din il-lista internazzjonali tal-UNESCO, kienet pass kruċjali għal dak kollu li jsaħħaħ l-identità Maltija….u biex inżommu ħaj dak li hu tagħna.
Dwar dan tkellimna mal-Imprenditur u fundatur tal-kumpanija Maypole Nenu Debono… persuna li żgur huwa sinonimu mal-ħobż Malti. Nenu jirrakkuntalna kif il-ftira ilha isir f’pajjiżna għal diversi snin fejn jiftakar lil-missieru jirakkuntalu kif kienet issir.
Etienne Avellino jispjegalna eżatt x’jinvolvi l-proċess sabiex issir il-ftira Maltija.
Il-kumpanija Maypole ilha għal diversi snin rinomata ma’ prodotti tipiċi Maltin fosthom ħobż u ħelu tradizzjonali. U għal dan iż-żmien tas-sena ħasbet biex tintroduċu prodott ġdid… il-pannettone.
Għalkemm is-sena li waslet biex tintemm kienet waħda mimlija sfidi, din il-kumpanija dawret l-isfidi f’oppoturnitajiet fejn addattaw il-ħidma tagħhom għal servizzi ġodda.
Wara s-suċċess ta’ din il-kumpanija hemm numru kbir ta’ ħaddiema li b’dedikazzjoni kbira jagħmlu l-għalmu kollu tagħhom sabiex iwasslu l-aħjar prodotti lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.