Lokali

Il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja iwissi għall-prekawzjoni fi żmien il-festi

Il-Kulleġġ Malti tat-Tobba tal-Familja (MCFD), fi stqarrija wissew li jekk il-perjodu ta’ dawn il-festi se jkunu bħalma kien is-sajf, dan se jwassal għal riperkussjonijiet xejn sbieh fil-ġranet u l-ġimgħat ta’ wara.

Huma qalu li iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied u L-Ewwel tas-Sena ma jistgħux ikunu bħas-sajf, fejn għadd ta’ persuni ma baqgħux jagħtu kas wisq ir-restrizzjonijiet u jieħdu prekawzjonijiet għall-COVID-19, b’riżultat il-każijiet pożittivi żdiedu ferm matul ix-xhur sajfin.

Il-Kulleġġ qal li jekk pajjiżna jerġa’ jara l-każijiet pożittivi tal-COVID-19 jiżdiedu, dan se jwassal għal rata għolja ta’ persuni li jkollhom bżonn il-kura fl-isptarijiet u saħansitra numru ikbar ta’ persuni vulnerabbli li jitilfu ħajjithom kaġun ta’ din il-pandemija. U dan kollu minħabba n-nuqqas ta’ responsabbiltà f’dawn iż-żminijiet fejn wieħed kapaċi jara wkoll numru kbir ta’ persuni fi kwarantina, persuni li jkollhomx ma jmorrux għax-xogħol u nuqqas ikbar fid-dħul finanzjarju f’sitwazzjoni li diġa għaddejjin minn mument diffiċli għall-biċċa ‘l kbira tal-popolazzjoni.

MCFD qed jinkoraġixxu biex wieħed jieħu l-pariri tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika biex iċ-ċelebrazzjonijiet għal din is-sena jkunu limitati għal dawk il-membri tal-familja li jgħixu taħt l-istess saqaf għas-sigurtà tal-vulnerabbli u l-anzjani.