“Huwa evidenti li l-Prim Ministru m’għandux is-saħħa morali jew saħħa politika li jieħu deċiżjonijiet. Sfortunatament din qed tkun evidenti minn ġurnata għall-oħra. Lanqas ma kellu s-saħħa li jgħid lil Rosianne Cutajar tissospendi ruħha sakemm isiru l-investigazzjonijiet.” – Hekk saħaq il-Kap tal-PN Bernard Grech meta kien qed jikkumenta fuq l-aħħar skandlu tal-Gvern Laburista – d-deal li fih kienu involuti Rosianne Cutajar u is-sid ta’ 17-Black Yorgen Fenech.
Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru “għandu jiċċara l-fatti hu u mhux iħalli f’idejn ħaddieħor. Għandu jara hu x’azzjoni għandu jieħu fil-konfront ta’ membru tal-Kabinett tiegħu u mhux jistenna r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandars fil-Ħajja Pubblika.” – Dan b’reazzjoni għal dak li qal li se jagħmel Robert Abela meta kien qed jgħati kummenti fuq it-taraġ ta’ Kastilja l-għada li ħarġet din l-aħħar minn numru ta’ stejjer xokkanti.
Il-Kap tal-PN stqarr li qed jitlob dan “fl-aħjar interess tal-poplu għaliex il-Prim Ministru għandu jifhem li kull ġurnata li tgħaddi li Rosianne Cutajar tibqa’ fil-pożizzjoni tagħha, ikun qed ifisser li jkun qed itiha l-kunsens, l-appoġġ u l-protezzjoni fil-qasam politku waqt li hi tibqa’ għaddejja bix-xogħol politku tagħha, minkejja dak li għamlet.”
Bernard Grech temm jgħid li “l-Prim Ministru għandu obbligu lejn iċ-ċittadin Malti illi dak kollu li mhux aċċettabbli, jieqaflu”. Il-Kap tal-PN qal li “inutli ngħidu li qed indaħħlu l-liġijiet biex inkunu nistgħu ngħaddu mir-rapport tal-Moneyval meta imbgħad ikollna politiċi illi jonqsu b’mod lampanti u nibqgħu ċassi inħarrsu lejhom.”