Internazzjonali

Il-varjant tal-Covid-19 mhux wieħed ‘inkontrollabbli’

Il-Kap tat-taqsima għall-emerġenzi mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tkellem dwar il-varjant ġdid tal-Covid-19 u qal li ‘żviluppi bħal dawn huma parti normali fl-evoluzzjoni ta’ pandemija.’

Sadanittant, Mike Ryan sostna li ‘il-firxa tal-varjant ma laħqitx punt inkontrollabbli’, bi kliemu jikkontradixxi l-kummenti, aktar qabel, min-naħa tas-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock.

Min-naħa tiegħu, Ugur Sahin, il-ko-fundatur tal-BioNTech li — flimkien mal-kumpanija Pfizer – ipproduċa l-vaċċin li qed jintuża għal kontra l-Covid-19 fir-Renju Unit, ukoll kellu kliem ta’ ottimiżmu.

‘Ir-riċerka xjentifika qed turi probabbiltà kbira li l-effett tal-vaċċin fuq il-ġisem iwassal għal reżistenza effettiva għall-varjant ġdid tal-virus’, sostna Sahin.

Hu wkoll sinifikanti l-istqarrija ta’ Sahin li, f’każ ta’ bżonn, kapaċi jkun prodott vaċċin li jilqa’ ‘għal varjanti u żviluppi ġodda fil-virus tal-Covid-19’ fi żmien sitt ġimgħat.