Lokali

Irrid soċjeta’ li taħdem iktar biex ma naċċettawx li persuna tiġi abbużata – Bernard Grech

Kulħadd jista’ jkun vittma ta’ abbuż u għalhekk is-soċjeta’ tagħna trid taħdem iktar u b’iżjed edukazzjoni biex min ikun abbużat ma jaċċetta qatt li jiġi abbużat. Aħna lkoll għandna d-dmir li nagħtu l-għajnuna. Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal dan meta flimkien mas-Sinjura Grech ippreżenta rigali għal dan iż-żmien tal-festi lir-residenti ta’ Dar Merħba Bik, inizjattiva tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN).

Bernard Grech faħħar il-ħidma li ssir f’Dar Merħba Bik u l-persuni dedikati kollha li jagħmlu minn xogħolhom il-vokazzjoni tagħhom. Huwa tkellem dwar l-importanza tal-għarfien speċjalment mal-frontliners biex jagħrfu jindunaw b’persuni li jkollhom bżonn din l-għajnuna, u l-fatt li jeżistu postijiet bħal Dar Merħba Bik, li huma mezz ta’ sostenn u ta’ tama għal persuni jgħaddu mill-vjolenza domestika u l-abbuż. Meta d-dar għandha tkun il-post sigur tal-persuna, l-fatt li hawn min jista’ jiġi f’post bħal Dar Merħba Bik ikun jista’ jsib il-kuraġġ u s-saħħa sabiex jaffronta l-problema u jingħata tama ġdida.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u s-Sinjura Grech ġew milqugħa minn Suor Margaret Gonzi, d-Direttriċi tal-Fondazzjoni The Good Shepherd Sisters Dar Merħba Bik Foundation u Elaine Pavia li hija l-Head of Services. Ġiet spjegata l-ħidma li ssir f’Dar Merħba Bik, faċilita’ sħiħa li toffri l-għajnuna lil nisa u familji li jgħaddu minn abbuż u vjolenza domestika. Il-Fondazzjoni tmexxi żewġt idjar Santa Bakhita u Dar Merħba Bik fejn jgħinu lin-nisa jsiru indipendent u jerġa’ jkollhom dinjita’.

Matul din iż-żjara, l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u s-Sinjura Grech kienu akkumpanjati wkoll mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg, il-President tal-MNPN Graziella Attard Previ, l-Kordinattriċi Tfassil Politika tal-MNPN Marie Claire Zammit u l-Assistenta Kordinattriċi Tfassil Politika tal-MNPN Veronica Perici Calascione.