Lokali Qorti

Is-Soċjetà Stella Maris tgħid li għandhom jittieħdu passi fuq gideb fil-konfront tagħha fil-Qorti

Is-Soċjetà Mużikali ta’ Stella Maris qalet li qed tistenna li jittieħdu passi wara deċiżjoni fil-Qorti Kostituzjonali fejn saħqet li diversi xhieda ma qalux il-verità fil-proċeduri kontriha fuq emenda li daħlet fil-liġi.

Is-Soċjetà qalet li hija qed tistenna li jittieħdu passi ta’ sperġur (ġurament falz) kontra dawn ix-xhieda. “Is-Soċjetà qalet li mhux sew li “dan kollu jitħalla għaddej qisu qatt ma’ kien xejn.”

Fl-istqarrija s-Soċjetà kienet qed tirreaġixxi għax-xhieda u għall-każ li wassal biex il-Prim Imħallef qal li emenda li daħħal dan il-Gvern kienet tmur kontra l-Kostituzzjoni.

Fil-Qorti ġe deċiż l li s-Soċjetà Mużikali Slimiża għamlet bidliet strutturali li qatt ma nfurmat lis-sidien bihom u allura dan ifisser li l-kuntratt kellu jtwaqqaf u s-sidien jieħdu l-proprjetà lura.

Il-Qorti qalet li emenda legali introdotta fl-2018 iżda applikabbli retroattivament, li ċaħdet lis-sidien id-dritt li jkeċċu l-każini tal-banda tal-kerrejja meta dawn naqsu milli jirrispettaw il-kundizzjonijiet tal-kirja, tikser id-drittijiet fundamentali

Din id-deċiżjoni ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti li kien qed jippresiedi referenza kostituzzjonali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’saga ġudizzjarja li bdiet 12-il sena ilu meta s-sidien tal-bini ta’ Tas-Sliema li jospitaw il-każin tal-banda Stella Maris, bdew proċeduri quddiem Bord tal-Kera.

Is-soċjetà iżda qed tisħaq li dawn mhumiex sidien imma biss utilisti ta’ proprjetà tal-Gvern. Is-Soċjetà Mużikali filwaqt li fakkret li l-post ilu jservi ta’ każin għal madwar 100 sena, tenniet ukoll li dan qatt ma kien residenza u allura mhuwiex każ illi jinfeda d-dirett dominju tiegħu.

Qalet ukoll illi matul dawn is-snin hija dejjem inżammet responsabbli għal kwalunkwe riparazzjonijiet u manutenzjoni, “ta’ kwalankwe natura; ordinarji u anke dawk straordinarji.”

Is-Segretarju Joseph Bugeja fl-istqarrija ffirmata minnu tenna li mhuwa minnu xejn li s-soċjetà żiedet xi sulari. “Dan jirriżulta tant ċar minn ritratti tal-Google Earth u anke minn ritratti antiki fejn jidher mingħajr ekwivoku illi kien jeżisti s-sular in kwistjoni,” sostniet is-Soċjetà.

Ingħad ukoll li gidba oħra kienet li x-xogħol magħmul kien fi strutturi li kellhom ħsarat kbar u kienu ta’ periklu, “u li partijiet minnhom kienu msaqqfa bl-asbestos u allura kellhom jitneħħew għal raġunijiet ta’ saħħa.”

Ingħad li mhux vera li tneħħa xi garigor, li tgħid illi fil-fatt għadu hemm u li “mhu minnu xejn dak li xehdet waħda mill-utilisti illi fuq il-bejt kien hemm biss gallinari u li kienu saru xogħlijiet bla permess tal-awtoritajiet ikkonċernati.”

L-istqarrija, tidħol f’kull dettall tal-binja u x-xhieda tgħid ukoll li wieħed minn dawk li għalissa huma is-sidien (għaliex il-proprjetà hija tal-Joint Office u tmur lura għand il-Gvern madwar seba’ snin oħra) kien mar fuq il-post malli bdew ix-xogħolijiet u “ma wera’ ebda sinjal ta’ oġġezzjoni jew oppożizzjoni. Bla dubju din fiha nfisha tammonta għal kunsens taċitu,” tkompli tisħaq is-Soċjetà.

“Mhux hekk biss, iżda wara li kienet saret tali vizta minn wieħed mill-utilisti, l-istess utilisti aċċettaw il-ħlas tal-kera, għal darba darbtejn. Dan juri bl-aktar mod ċar illi l-utilisti kienu taw għal darba, darbtejn, il-kunsens tagħhom għal dak illi kien qed isir,” tgħid is-soċjetà.

Is-Soċjetà Stella Maris tfakkar ukoll li dawn il-persuni mhumiex is-sidien tal-proprjetà u ma tistax tifhem kif punt tant bażiku “jiġi injorat mill-Qorti tal-Appell u dan il-każ qed jitqabbel ma’ fejn min qed jieħu l-azzjoni legali huwa s-sid tal-proprjetà u mhux sempliċiment utilista illi wasal lejn l-aħħar tat-terminu tiegħu,” hija qalet.

Wara sentenza parzjali tat-23 ta’ Ottubru, 2018, il-Qorti tal-Appell warrbet l-eċċezzjonijiet tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris u sabet li fil-fatt kienet għamlet tibdiliet strutturali estensivi fil-fond mingħajr il-kunsens tas-sidien u bi ksur tal-kuntratt ta’ kiri tagħhom.

Din is-sentenza parzjali hija res judicata, li skont il-liġi tfisser “kwistjoni li ġiet aġġudikata minn Qorti kompetenti u għalhekk ma tistax tiġi segwita aktar mill-istess partijiet.”

Kien bl-emendi li saru fl-2018 li l-Qorti ma setghetx imbaghad tordna l-iżgubrament tas-Soċjetà. Għaldaqstant is-“sidien” għamlu Kawża Kostituzzjonali dwar din il-ligi li, skont it-talbiet tagħhom tmur kontra d-drittijiet fundamentali tagħhom. Din il-kawża qiegħda fi stadju ta’ appell wara li l-ewwel Qorti qatgħeta favur is-“sidien”.