L-arma li kienet għand Daniel Muka meta ġimgħa wara l-qtil doppju f’tas-Sliema huwa kien ġie arrestat mill-Pulizija f’residenza fil-Floriana hija l-istess waħda li ntużat biex qatlet lit-Tabib Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski fir-residenza tat-tabib f’Tas-Sliema.
Sadanittant minn analiżi tad-DNA, l-aktar minn analiżi fejn ma kienx hemm demm fuq il-post, id-DNA ta’ Victor Dragomanski qablet ma’ postijiet bħal karozza li kienet tas-Sliema u spiċċat fil-parkeġġ l-antik tal-Isptar San Luqa.
Dan ħareġ meta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud xehedu diversi esperti mqabbdin mill-Qorti fl-inkjesta. Meta kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Viktor Dragomanski mill-Maċedonja, li flimkien mal-Albaniż Daniel Muka u d-Daniż Jesper Kristiansen jinsabu mixlijin bil-qtil tal-koppja.
Mid-dar li kien qed jistaħba fiha Muka, kienet ġiet elevata arma, li ntużat fil-qtil. Dan ħareġ mix-xhieda tal-esperti ballistiċi Patrick Farrugia u Ian Farrugia li qalu li kienu sparati mill-anqas sitt tiri fir-residenza ġewwa Tas-Sliema u li waħda mill-ballal instabet fis-sular ta’ fuq fejn spiċċa maqtul Maciejowski.
Din il-balla laqtet u nifdet ‘wall-unit’ fis-sular ta’ fuq filwaqt li balla oħra instabet isfel f’kamra li twasslet lejn il-kċina. Skont ix-xhieda l-arma li ntużat kienet pistola semi-awtomatika 19mm. l-istess waħda li nstabet fuq Muka f’residenza fil-Floriana.
Xhud ieħor kienet it-tabiba Marisa Cassar li qalet li mis-swabs li elevat sabet dawk li jaqblu ma’ dawk ta’ Dragomanski. Fost dawn kien hemm loqma ta’ sigarett, mal-bibien tal-karozza li kienet Tas-Sliema u spiċċat Gwardmangia, man-numru ta’ reġistrazzjoni, quddiem u wara tal-karozza, mal-but ta’ wara tal-karozza u anke ma’ ingwanti koħol.
Xehdu wkoll is-Surġent Antoine Fenech u l-kollega tiegħu l-Kuntistabbli Christie Cremona li kienu nominati mill-inkjesta biex jieħdu ritratti u filmati tal-karozza li allegatament misjuqa mill-akkużati minn Tas-Sliema għal fejn kien il-parkeġġ tal-Isptar San Luqa u dan wara t-tluq tagħhom mill-post wara l-10.30pm.
Fenech qal li huma kisbu diversi filmati ta’ CCTV’s li bdew minn Triq Locker fejn seħħ il-qtil doppju. Qal li deheret ħafna karozza sehra fid-direzzjoni ta’ Tal-Pietà u li hu l-kollega tiegħu ġabru diversi filmati oħra fejn il-karozza deheret f’Marina Street. Minn hemm din l-evidenza mportanti għaddiet għand is-Supretendent James Grech li qed imexxi l-Prosekuzzjoni.
Fenech qal li huwa ġabar ħafna ‘footage’ minn residenzi u ħwienet privati. Il-Qorti qalet li f’dan l-istadju kienet se tibgħat l-atti lill-Avukat Ġenerali bil-każ ikompli fis-27 ta’ Jannar li ġej.
Viktor Dragomanski ta’ 36 sena, huwa wieħed mit-tliet persuni li dehru fil-filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà. Il-Pulizija kienu marru biex jarrestaw lil Dragomanski fir-residenza tiegħu iżda sabu raġel ieħor li qalilhom li jinsab f’lukanda bl-isem ta’ Blue Bay fil-Gżira.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon li meta Dragomanski tressaq il-Qorti qalu li meta l-akkużat induna bil-preżenza tal-Pulizija fil-lukanda pprova jaħrab mit-tieqa tal-kamra iżda ġie arrestat ftit wara mill-pulizija.
Minbarra omiċidjui Dragomanski, li għalih qed jidher l-Avukat Joe Brincat, huwa jinsab mixli b’serq ta’ ġojjellerija mingħand il-vittmi, għamel użu minn karozza misruqa, ikkommetta serq ta’ pjanċi u li kellu fil-pussess tiegħu arma mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija.
It-Tabib Dr. Christian Pandolfino u s-sieħeb tiegħu Ivor Maciejowski nstabu mejta f’darhom wara tiri sparati.
Pandolfino nstab mejjet fl-intrata filwaqt li Maciejowski nstab mejjet fis-sular ta’ fuq tad-dar.
Xi ġojjelerija li kellu Dr. Pandalfino ma nstabitx fid-dar.