L-Istati Uniti ħabbret li ressqet l-akkużi kontra r-raġel Libjan suspettat li manifattura l-bomba li, fl-1988, qerdet l-ajruplan Boeing 747 – jew Titjira 103 tal-Pan-Am – fuq Lockerbie fl-Iskozja. Fl-isplużjoni kienu mietu 270 persuna, fosthom 190 ċittadin Amerikan.
L-akkużat, Abu Agila Mohammad Masud, qed ikun mixli b’reati marbuta mat-terroriżmu, b’dawn l-akkużi jitressqu proprju fit-32 anniversarju tal-attakk li xokkja lid-dinja. L-aħbar ingħatat mill-Avukat Ġenerali Amerikan, William Barr u issa l-prosekuturi qegħdin jippruvaw jaċċertaw mill-estradizzjoni ta’ Masud bil-għan li hu jgħaddu minn proċess tal-qorti fl-Istati Uniti.
L-awtoritajiet Amerikani qed jgħidu li Masud hu eks aġent tas-servizzi sigrieti Libjani fi żmien meta pajjiżu kien immexxi mid-dittatur Muammar Gaddafi. Fil-fatt, qed ikun allegat li Masud kien ‘persuna strumentali’ fl-atroċità ta’ Lockerbie wara li ngħata direttivi speċifiċi mingħand Gaddafi innifsu.
L-isplużjoni tal-ajruplan Pan-Am – waqt titjira minn Londra lejn New York – tibqa’ l-akbar attakk terroristiku li qatt seħħ fir-Renju Unit minbarra li t-tieni l-agħar ‘attakk terroristiku relatat ma’ titjira’ fl-istorja tal-Istati Uniti.
Fl-isplużjoni tal-1988 kienu mietu anki ħdax-il persuna li kienu għaddejjin bil-ħajja ta’ kuljum f’Lockerbie u l-madwar. Intant, fost in-nies li mietu mal-ewwel fil-qerda tal-ajruplan kien hemm 35 studenti Amerikani li kienu qed jivvjaġġaw lura d-dar għall-Milied.
Hu wkoll sinifikanti li l-Avukat Ġenerali Barr qed jikkonkludi din il-fażi tal-proċess ta’ Lockerbie li jinvolvi waħda mill-itwal investigazzjonijiet marbuta mat-terroriżmu.Dan għaliex Barr kien ukoll l-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti meta, fl-1991, kienu tħabbru l-akkużi għall-ewwel darba kontra ż-żewġ suspettati Libjani f’dan il-każ –Abdelbaset Mohamed al-Megrahi u Lamin Khalifah Fhimah.
Al-Megrahi, snin wara l-attakk, kien instab ħati dwar l-isplużjoni ta’ Lockerbie u kundannat il-ħabs għal għomru fl-Iskozja, filwaqt li nħafru l-akkużi fil-konfront ta’ Khalifah Fhimah. Fl-2009, al-Megrahi inħeles u ntbagħat lura l-Libja għal raġunijiet umanitarji peress li hu kien qed ibati min marda terminali. L-eks aġent sigriet Libjan miet il-Libja f’Mejju tal-2012.
Intant, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Pulizija fl-Iskozja, Iain Livingstone, qal li l-akkużi fil-konfront ta’ Abu Agila Mohammad Masud huma ‘żvilupp sinifikanti’ u meta ‘l-Iskozja se tibqa’ taħdem mill-qrib mal-Istati Uniti u awtoritajiet internazzjonali oħrajn, fir-rigward tal-każ ‘Lockerbie’’. Livingstone qal ukoll li ‘għalissa mhux iż-żmien li wieħed jikkummenta aktar’.
Min-naħa tiegħu, William Barr qal li kien ‘sodisfatt’ li l-Istati Uniti setgħet tressaq l-akkużi kontra Masud ‘għar-rwol tiegħu fl-atroċità ta’ Lockerbie’.
Barr spjega li l-iżvilupp importanti li wassal għal dawn l-akkużi seħħ ladarba l-awtoritajiet saru jafu li Masud kien qed jinżamm fil-Libja. L-Avukat Ġenerali qal ukoll li l-awtoritajiet Libjani ipprovdew lill-uffiċjali tal-Istati Uniti b’kopja tal-‘interrogazzjoni’ li huma għamlu lil Masud.
William Barr sostna li Masud, allegatament, ‘ipproduċa l-bomba minbarra li ħadem ma’ żewġ persuni oħra involuti fil-kumplott’. Intant, ingħad ukoll li ‘Muammar Gaddafi kien irringrazzja personalment lil Masud għal dak l-attakk fuq l-Istati Uniti’ — b’William Barr jenfasizza li ‘dan il-qattiel tal-Amerikani u oħrajn, sa fl-aħħar , se jwieġeb għar-reati tiegħu.’.
L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti hu wkoll ottimist li l-Gvern tal-Libja se jressaq lil Abu Agila Mohammad Masud lill-Amerikani ‘biex issir il-ġustizzja miegħu’.
//= $special ?>