Għawdex Lokali

Robert Abela jdawwar l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija f’każin Laburista – PN

Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota kif għall-Partit Laburista m’hemmx differenza bejn dak li hu tal-Gvern u l-poplu Malti fuq naħa u dak li huwa tal-Partit Laburista fuq in-naħa l-oħra. Dan hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jdawwar f’każin Laburista l-Innovation Hub fix-Xewkija Għawdex, meta għamel il-laqgħa tiegħu tal-Ħadd għall-partitarji Laburisti ġewwa l-istess Innovation Hub, bini tal-Gvern, iffinanzjat minn fondi Ewropej u li suppost huwa ddedikat għan-negozji biex joperaw minnu.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar u d-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis stqarrew li Robert Abela uża l-Innovation Hub biex minnu jagħmel ħafna kummenti partiġġjani li minnhom l-Għawdxin ma ggwadanjaw xejn. Minflok, l-Għawdxin kienu qed jistennew mingħand Abela li dan jgħidilhom kif l-Innovation Hub, li sewa flejjes kbar, se jimlieh bin-negozji li joffru xogħol ta’ kwalita` għall-Għawdxin f’Għawdex kif ilu jwiegħed il-Partit Laburista sa mill-2013 bla ma qatt wettaqha. Dan għaliex wara li l-Innovation Hub ġie inawgurat b’tant pompa fl-2019, hi ħasra li sal-lum il-Gvern Laburista ħalla dan il-bini vojt, kif wara kollox jammetti l-Gvern Laburista stess.

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-kliem ta’ Robert Abela fil-laqgħa tal-Ħadd, li għandna ekonomija sejra tajjeb u li issa għandha tkompli tissaħħaħ għax se tintemm il-pandemija tal-COVID-19. F’dan il-kuntest kien għalhekk aktar u aktar importanti li fil-laqgħa, Robert Abela jkellimna dwar l-istrateġija u l-inċentivi li se jaddotta l-Gvern tiegħu sabiex jattira investimenti tajbin direttament lejn Għawdex u partikolarment lejn l-Innovation Hub biex dan ma jibqax vojt. Minn dan kollu ma ssemma xejn, f’wiċċ l-Għawdxin li dejjem aktar numerużi qed ikollhom ilebbtu lejn Malta biex isibu impiegi tajbin.

Tajjeb illi d-diriġenti ta’ Indis Malta Ltd, il-kumpanija pubblika li tmexxi l-Innovation Hub jispjegaw kif sit industrijali tħalla jintuża għall-attività partiġjana li żgur ma taqax fil-mansjonijiet ta’ din il-kumpanija. Ta’ dan, dawn id-diriġenti ta’ Indis Malta Ltd, għandhom jagħtu rendikont ta’ għemilhom u jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom. L-Għawdxin qed isaqsu wkoll kemm ħallas kera l-Partit Laburista biex għamel il-laqgħa partiġjana ġewwa l-Innovation Hub. Dan għaliex huwa fatt magħruf li l-kera f’dan l-Innovation Hub hi għolja immens u hija wieħed mill-fatturi ewlenin li qed inaffru lin-negozji milli jikru spazju hemmhekk. Tajjeb li nkunu nafu jekk Indis Malta Ltd mxietx bl-istess kejl ta’ kera mal-Partit Laburista meta dan għamel użu mill-Innovation Hub kontra l-liġijiet u l-policies li suppost Indis Malta Ltd timxi magħhom. Fuq kollox dan kollu mhu xejn għajr konferma illi aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed jerġgħu jqumu l-iħirsa tas-snin sebgħin u tmenin meta ma kienx hemm distinzjoni bejn il-Gvern u l-Partit Laburista.