Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-Prim Ministru Robert Abela qed jibża’ jiddeċiedi dwar il-każ ta’ senserija tas-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.
Bernard Grech saħaq li Robert Abela qed iġib skuża meta jgħid li se jistenna l-investigazzjoni tal-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Hu fakkar li t-talba għall-investigazzjoni mill-Kumissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar dan il-każ ma saritx minn Abela u din l-investigazzjoni qed jużaha biss bħala skuża biex ma jaġixxix.
Il-Kap tal-PN saħaq li “kull siegħa li tgħaddi mingħajr deċiżjoni mill-Prim Ministru hija konferma ta’ kemm l-impunità għadha tirrenja f’din l-amministrazzjoni.” Dwar dawn l-allegazzjonijiet serji li juru rabta mill-qrib bejn is-sid ta’ 17 Black Yorgen Fenech u d-Deputat Laburista, Bernard Grech qal li “dak li qed naraw iseħħ huwa frott tal-kultura tax-xejn mhu xejn ta’ dan il-Gvern.”

Intant, meta kien qed jitkellem dwar l-Inkjesta Pubblika fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-PN qal li “jekk hawn xi ħadd li qed jipprova jimmina l-inkjesta pubblika huwa l-Prim Ministru stess b’attakki kontinwi u pressjoni biex din tikkonkludi xogħolha mill-aktar fis.” Dan wara kummenti li għadda l-Prim Ministru fit-taraġ ta’ Kastilja fl-aħħar sigħat. Bernard Grech temm jgħid li “l-Prim Ministru għandu jieqaf jikkummenta fuq l-inkjesta pubblika u jħalli lit-tliet Imħallfin iwettqu xogħolhom fil-libertà kollha.”