Lokali

Solidarjeta’ mal-ħaddiema ssensjati tal-Malta Air – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija esprima s-solidarjeta’ sħiħa tiegħu mal-40 ħaddiem tal-Malta Air li għadhom kif tkeċċew minn ma’ din il-kumpanija tal-ajru imwaqqfa bi sħab bejn il-Gvern Malti u Ryanair f’Ġunju tal-2019.

Fi stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal, David Agius, mill-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Partit u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isfidi fit-Turiżmu f’Dinja Ġdida, Robert Arrigo, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv, Clyde Puli, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ekonomija, Claudio Grech u mill-President Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN), Ivan Castillo, il-PN staqsa kif il-Gvern bħala sieħeb strateġiku f’din il-kumpanija m’għamilx dak kollu possibbli sabiex dawn il-cabin crew ma jitkeċċewx. “Il-Partit Nazzjonalista kien jistenna wkoll li l-kumpanija Malta Air ma tkunx insensittiva b’tali mod li aħbar bħal din tingħata lill-ħaddiema tlett ijiem qabel il-Milied.”

Il-PN għalhekk ħeġġeġ lill-Union sabiex flimkien mal-Gvern jagħmlu dak kollu possibbli sabiex dawn l-impjegati jingħataw l-għajnuna kollha possibbli f’dan il-mument daqshekk diffiċli għalihom. Il-Gvern għandu jidħol għall-haddiema kollha li tilfu l-impjieg tagħhom.