Lokali Qorti

Bouncer li agredixxa persuna jiskappa l-ħabs minħabba l-kondotta u r-rabtiet li għandu mal-komunità

Il-Qorti tal-Appell Kriminali naqqset sentenza ta’ sitt xhur ħabs fil-konfront ta’ bouncer Serb għal waħda sospiża minkejja li kkonfermat is-sentenza mill-ewwel Qorti dik li ġie misjub ħati li kkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna.

Il-Bouncer kien instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrat li kien ġera wara raġel u sawwtu b’lembuba f’Paceville. Rapport li sar minn uffiċjal tal-probtion ġie kkunsidrat bir-reqqa mill-Imħallef Aaron Bugeja li qal li Aleksandar Stanojcic m’għandux jingħata piena karċerarja minħabba r-rabta mal-familja li għandu u li jinsab fi triq it-tajba.

Il-Qorti qablet u qalet li fid-dawl tal-kondotta nadifa tiegħu, r-rabtiet li għandu sodi mal-komunità, u d-dispożizzjoni tiegħu li jaħdem għalih innifsu u għall-familja tiegħu, is-soċjetà tibbenefika aktar minn żmien sospiż ta’ priġunerija f’dan il-każ, u dan minħabba li l-azzjonijiet ikunu taħt kontroll għal żmien twil fil-ġejjieni.

Il-Bouncer li llum għandu 22 sena kellu l-piena ta’ sitt xhur ħabs sospiża għal erba’ snin. Huwa kien instab ħati li sawwat lill-vittma permezz ta’ lembuba f’Paceville. Fil-Qorti ħareġ li l-bouncer kien jaħdem mingħajr liċenzja.

Il-Qorti tal-Appell qalet li kkonvertit il-piena imposta fuq il-Bouncer kif ġie ssuġġerit mill-uffiċjal tal-probation u għar-raġunijiet li dan isemmi fir-rapport tiegħu.

Is-sentenza ta’ ħabs mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati għandha tinżamm billi din tirrifletti l-gravità taċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kundannabbiltà tal-azzjonijiet tiegħu għandhom jibqgħu fis-seħħ.

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-kondotta nadifa tiegħu, r-rabtiet qawwija tiegħu mal-komunità, u d-dispożizzjoni tiegħu li jaħdem għalih innifsu u għall-familja tiegħu, is-soċjetà tibbenefika aktar minn terminu sospiż ta’ priġunerija f’dan il-każ, minħabba li azzjonijiet tiegħu ikunu taħt kontroll għal żmien twil fil-ġejjieni.

Il-każ imur lura għall-11 t’Awwissu tal-2015, meta Aleksandar Stanojcic kien qed jaħdem bħala bouncer barra stabbiliment f’St Rita Steps, qrib ħanut tal-ikel.

Minn hemm kien għaddej Yasin Ahmed Elhilali, li waqaf ikellem lill-ħaddiema fil-ħanut tal-ikel. Elhilali xehed li dak il-ħin Stanojcic qallu biex jibqa’ sejjer, u Elhilali ried ikun jaf għalfejn.

Minn hawn inqala’ argument bejn iż-żewġt irġiel, b’Elhilali jgħid li ra lil Stanojcic jagħfas l-‘earpiece’, u assuma li kien qed isejjaħ lil bouncers sħabu. Jgħid li f’daqqa u l-ħin Stanojcic u bouncer ieħor marru jiġru għal fuqu, u huwa ħarab lejn l-istabbiliment Burger King.

Elhilali kien qal li laħquh u mbuttawh mal-art, bi Stanojcic jagħtih fuq rasu b’lembuba u l-bouncer l-ieħor li jagħtih bis-sieq f’wiċċu u fl-istonku.

Żewġ pulizija li kienu qed jagħmlu ronda f’Paceville xehdu li raw grupp ta’ bouncers jiġru fit-triq, u li meta sabu lil Elhilali mal-art, dan indikalhom lil Stanojcic bħala l-aggressur.

Il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Trevor Micallef, qalet li fl-istqarrija li ta lill-Pulizija Stanojcic ammetta li kien ta daqqiet bil-lembuba lil Elhilali, iżda qal li kien għamel dan għax Elhilali tah daqqa b’tazza fi spalltu.

Xehed ukoll sid l-istabbiliment li jinsab faċċata ta’ fejn kien qed jaħdem Stanojcic, li min-naħa tiegħu qal li kien ra lil Elhilali jagħti daqqa ta’ ponn lil Stanojcic qabel ma t-tnejn li huma telqu jiġru.

Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke, kienet korretta meta qalet li x-xhieda tal-vittma hija iktar kredibbli għax konsistenti u sostnuta mill-Pulizija. Qalet li rrelevanti minn dak li seħħ fit-taraġ, Stanojcic ma kienx qed jaġixxi biex jiddefendi lilu nnifsu, għax kien hu li telaq jiġri wara Elhilali.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Ewwel Qorti kienet ikkunsidrat fuq naħa l-ġrieħi gravi li ġarrab Elhilali u fuq naħa oħra l-fatt li Stanojcic għandu kondotta nadifa. Il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ dan u qalet li jkun aktar ta’ ġid li kieku s-sentenza ta’ ħabs tkun sospiża. Huwa kien immultat ukoll €500 li kienet ukoll ikkonfermata fl-Appell.

Il-Qorti kkonfermat ukoll il-ħtija tas-Serb li ħadem bħala bouncer meta ma kellux liċenzja. Aleksandar Stanojovic kien appella kontra din is-sentenza fejn talab lil din il-Qorti biex tbiddel l-imsemmija sentenza u li din tvarja l-piena kkawżata u minflok tiġi applikata piena iktar xierqa. Il-Qorti minkejja li xorta sabitu ħati xorta waħda varjat il-piena.

L-akkużat ammetta li sawwat lill-vittma u li iżda wkoll kien hemm persuni oħra li sawwtu lill-vittma bil-prosekuzzjoni ma tagħtix prova li kien l-akkużat li fil-fatt sawwat lill-vittma minħabba li kien hemm tliet persuni li mdawra mal-vittma.

Il-Qorti kkwotat sentenza oħra simili fil-Qrati Maltin fejn qalet li ma tistax tinjora is-social enquiry report imħejji f’dan l-istadju ta’ reviżjoni mill-Ufficjal tal-Probation. Illum jidher ukoll li l-appellanti huwa mizzewweg u għandu familja. Għandu ħajja stabbli u impjieg regolari.

Sentenza ta’ ħabs mhux se tgħinu biex jirriforma ruħu, u biex jigi evitat ir-ripetizzjoni ta’ reati simili, l-Qorti biddlet it-terminu ta’ inkarċerazzjoni f’perijodu ta’ sospensjoni biex b’hekk jkollu l-appoġġ ta’ nies professjonali jekk iħoss li jenħtieg l-għajnuna. Għal Stanojcic deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.