Għalliem tas-sewqan u ‘hairdresser’ investigati fuq evażjoni tat-taxxa kellhom eluf ta’ ewro f’oġġetti tad-ditta fid-dar tagħhom fil-Mosta. Dawn jinkludu arloġġi Rolex, handbags Louis Vuitton kif ukoll oġġetti oħra ta’ Dolce u Gabbana u Gucci.
L-Ispettur tal-Pulizija Keith Mullan, mit-Taqsima tal-Ħasil tal-Flus spjega kif l-oġġetti nstabu waqt tfittxija li għamlu l-Pulizija wara li kisbu mandat ta’ arrest u tfittxija bħala parti mill-investigazzjonijiet tagħhom dwar evażjoni tat-taxxa wara li l-istil ta’ ħajja tagħhom u l-ilbies tad-diita ma kienux jirrispekkjaw id-dħul iddikjarat tagħhom.
Huwa kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Clint Vella ta’ 35 sena u Sylvana Fenech ta’ 34 sena li ġew investigati mill-Pulizija wara tip-off li ma kinux qed jiddikjaraw id-dħul sħiħ tagħhom.
Anki jekk l-investigazzjoni kienet fuq evażjoni tat-taxxa, il-koppja ġiet akkużata b’ħasil ta’ flus, bl-Ispettur jikkonferma li l-Pulizija m’għandhom l-ebda informazzjoni li l-flus ġew minn xi reat kriminali ieħor bħat-traffikar tad-droga, traffikar ta’ armi jew prostituzzjoni.
L-istil ta’ ħajja tal-koppja, li deheret tistona mad-dħul tagħhom, wassal lill-Pulizija biex jagħmlu għassa fuqhom u wara akkużawhom li mill-investigazzjonijiet irriżulta li ma kinux qed jiddikjaraw id-dħul sħiħ tagħhom.
Fenech, li taħdem bħala parrukkiera, kienet qed tiddepożita madwar €11,000 kull xahar, filwaqt li Vella, li huwa għalliem tas-sewqan allegatament kien qed jopera mingħajr liċenzja, u li kellu wkoll depożiti notevoli.
Darba ddepożita €90,000 u analiżi tad-dikjarazzjoni bankarja tiegħu żvelat li kien qed jilgħab fuq il-casinos online. Mullan qal li ġewwa l-gwardarobbi tal-koppja, il-Pulizija sabu oġġetti tad-disinjaturi u ġewwa xi wħud mill-boroż, il-Pulizija sabu flus kontanti.
Huma saħansitra sabu flus kontanti fil-bwiet ta’ wħud mill-ġgieget mdendlin fil-gwardarobba. Huma sabu €4,000 f’ġakketta waħda u kważi €5,000 f’oħra.
Fit-TV unit, il-Pulizija sabu ammont ieħor ta’ €1,700. Il-Pulizija sabet ukoll djarji mgħottija b’kisja Louis Vuitton li ntużat biex tieħu l-appuntamenti tal-lezzjonijiet tax-xagħar u tas-sewqan kif ukoll diversi pari ta’ nuċċalijiet tax-xemx tad-ditta.
Ġimgħa qabel l-arrest tagħhom, il-mara kienet xtrat Mercedes ġdida fjamanta għal €24,000. Kien fadal biss €8,000 biex jitħallsu fuq il-karozza. L-Ispettur qal li kważi nofs id-dar tal-Mosta tagħhom tħallsu fi flus kontanti.
Huwa qal li l-Pulizija sabu kaxxi taż-żraben mimlijin irċevuti għal oġġetti mixtrija. Kien għaddej eżerċizzju biex jingħaddu kollha. Huwa qal li waqt l-interrogazzjoni tagħha, Fenech wieġbet li ma tistax tiftakar fil-biċċa l-kbira tal-mistoqsijiet li sarulha, inkluż jekk kinitx f’relazzjoni ma’ Vella.
Hija qalet lill-Pulizija li l-iktar handbag għalja li qatt xtrat kien jiswa €3,000. L-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb qed jassistu lill-koppja.
//= $special ?>