Darren Brincat ta’ 40 sena minn Ħal Qormi ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Joe Mifsud wara li ammetta li fis-16 ta’ Settembru li għadda wettaq hold-up minn banka tal-lottu u dan għall-ħabta tas-2.15 p.m. fi Triq San Edwardu, Ħal Qormi.
Huwa ammetta wkoll li jumejn wara fit-8:30pm. u l-10:00pm f’ħanut tax-xorb fi Pjazza Narbona, ukoll f’Ħal-Qormi, ikkaguna ferita ta’ natura gravi fuq Matthew Mario Grech wara argument.
Dakinhar tas-serqa, fil-banka tal-lottu kien hemm impjegata, mara ta’ 31 sena residenti Ħal Kirkop. fejn Brincat kien daħal jitlobha l-flus u allegatament il-mara ġiet aggredita mill-istess persuna li kien fil-pussess ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.
Dak inhar fl-inċident Brincat kien weġġa’ persuna u li mill-istess banka seraq €200. Wara s-serqa huwa ħarab minn fuq il-post. Il-Pulizija waslu għall-imputat minn filmati miġbuda mill-cameras tas-sigurtà kif ukoll minn xhieda pajżana.
Fil-Qorti kien ippruvat ukoll li Brincat għandu kondotta kkullurita u li kien involut f’argument fi stabbiliment tad-divertiment wara argument jaħraq. Instab ħati li kellu arma bla liċenzja.
Brincat talab skuża ghal dak li wettaq u ddikjara li jiddispjacih għal dak li huwa għamel. Huwa ġie mmultat wkoll €116.47 u l-Qorti ordnat ukoll sabiex iħallas is-somma ta’ €1,256.00 bħala spejjeż peritali rigward dawn il-proċeduri fi zmien tliet snin.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li l-piena għandu jkollha effetti ri-edukattivi u korrezzjonali fuq il-ħati. Biex dan l-għan jintlaħaq, il-ħati għandu jsib dawk l-istrutturi maħsuba mill-Istat biex ikun jista’ jwettaq dan il-perkors rijabilittativ.
Permezz ta’ dan huwa għandu jiġi mgħejjun itejjeb l-imġieba tiegħu b’mod li għalhekk ikun jista’ jerġa jiġi reintegrat fis-soċjeta’, billi jiġi riedukat, imħeġġeġ jiżviluppa t-talenti u l-abbiltajiet tiegħu, inkoraġġit jaħdem biex ikollu biex jerġa jibni ħajtu u jgħix diċenti.
Il-Qorti qalet li jekk jagħmel moħu hemm ma jkollux għalfejn jiddelinkwi u jkollu wkoll minn fejn jagħmel tajjeb għad-danni li jkun ikkawża b’egħmilu. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Kevin Pulis.
//= $special ?>