Futbol Sport

Gowl fl-aħħar sekondi tal-partita jżomm lil Milan fil-quċċata tal-klassifika

(Ritratt: EPA)

Gowl fl-aħħar sekondi tal-logħba ta t-tliet punti tant importanti għal Milan biex temmew is-sena fil-quċċata tas-Serie A wara rebħa ta’ 3-2 kontra Lazio. Milan fetħu l-iskor permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ ANTE REBIC minn korner preċiż ta’ Hakan Calhanoglu. Seba’ minuti wara, r-Rossoneri rebħu penalty wara li l-ballun ħabat ma’ idejn difensur tal-Lazio, b’CALHANOGLU ma żbaljax. Lazio wkoll ingħataw penalty fis-27 minuta minn fowl li wettaq Pierre Kalulu, iżda Gianluigi Donnarumma laqa’ tajjeb ix-xutt ta’ Ciro Immobile, però LUIS ALBERTO rreaġixxa minnufih u b’daqqa ta’ ras tefa’ fix-xibka. IMMOBILE kiseb ir-rimonta għal Lazio b’gowl fid-59 minuta minn azzjoni ta’ Sergej Milinkovic-Savic. Meta kollox deher li l-konfront kien se jintemm fi draw, korner ta’ Calhanoglu fit-92 minuta sab lil THEO HERNANDEZ li bir-ras għeleb lil Pepe Reina.

Inter kisbu tliet punti importanti wara li rebħu 2-1 kontra Hellas Verona, biex baqaw fit-tellieqa għat-titlu tas-Serie A. LAUTARO MARTINEZ poġġihom fuq quddiem meta kkonkluda b’volley eċċellenti minn kross ta’ Achraf Hakimi. Verona kisbu d-draw fit-63 minuta meta IVAN ILIC ħataf l-okkażżjoni minn nuqqas ta’ ftehim bejn il-gowlkiper u d-difiża ta’ Inter. Il-gowl deċiżiv wasal mingħand MILAN SKRINIAR li b’daqqa ta’ ras minn korner ta’ Marcelo Brozovic ma falliex.

Rimonta ta’ Bologna fl-aħħar għoxrin minuta ċaħdet lil Atalanta mir-rebħa, bl-iskor finali jkun dak ta’ 2-2. LUIS MURIEL fetaħ l-iskor wara li Atalanta ngħataw penalty fit-22 minuta, fejn ma falliex mill-11-il metru. Minuta wara, l-istess MURIEL għamel id-doppjetta personali permezz ta’ konkluzzjoni b’saħħitha. Fit-73 minuta, TOMIYASU naqqas id-distakk u għaxar minuti wara, MARIO PAZ skorja l-gowl tad-draw.

Napoli sfaw miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Torino. Napoli marru minn taħt fis-56 minuta fejn ARMANDO IZZO ħabbat xutt mal-art biex għamilha diffiċli lil Alex Meret li jilqa’. Sekondi qabel it-tifsira finali, LORENZO INSIGNE skorja l-gowl biex għen jevita t-tielet telfa konsekuttiva għal Napoli.

Roma għelbu lil Cagliari 3-2. JORDAN VERETOUT fetaħ l-iskor wara ħdax-il minuti għal Roma, b’JOAO PEDRO jġib id-draw fid-59 minuta. Roma rrispondew minnufih b’żewġ gowls ta’ EDIN DZEKO u GIANLUCA MANCINI f’medja ta’ sitt minuti. JOAO PEDRO skorja d-doppjetta personali minn penalty fil-91 minuta.

Ilbieraħ: Crotone v Parma 2-1, Juventus v Fiorentina 0-3, Illum: Verona v Inter 1-2, Bologna v Atalanta 2-2, Sampdoria v Sassuolo 2-3, Milan v Lazio 3-2, Napoli v Torino 1-1, Roma v Cagliari 3-2,Udinese v Benevento 0-2, Spezia v Genoa 1-2