Il-GWU ticħad u toġġezzjona bil-qawwa kollha għad-dikjarazzjoni tal-Malta Air. Fi stqarrija, il-GWU saħqet li hja moralment konvinta li skont is-sekwenza tal-avvenimenti li seħħew f’dawn il-ġranet il-Malta Air qatt ma riedet li jintlaħaq qbil.
Meta l-GWU talbet ir-rikonoxximent f’Mejju ta’ din is-sena, wara ftit il-kumpanija ħabbret li ser tkeċċi 60 impjegat. Il-GWU pprotestat għal dawn is-sensji u talbet li l-ewwel issir il-verifika u wara jiġu diskussi dawn is-sensji. Dan il-protest ġie milqugħ u wara l-ħruġ uffiċjali ta’ rikonoxximent il-GWU flimkien mal-kumpanija bdiet ħidma biex jiġu salvati l-impjiegi kollha. Dawn id-diskussjonijiet saru f’qafas ta’ ftehim li l-kumpanija kienet iffirmat mar-rappreżentanti tal-impjegati u li jkopri l-perjodu minn Novembru tal-2019 sa Marzu tal-2023.
Matul dan il-perjodu l-GWU żammet diversi laqgħat mal-ħaddiema u dawn kienu lesti li jgħinu l-kumpanija f’dan il-mument diffiċli. Fil-fatt il-GWU għarrfet il-kumpanija li hija lesta taċċetta tnaqqis fil-kundizzjonijiet tal-impjegati iżda dan isir skont il-ligi tax-xogħol. Dan isir kif sar f’postijiet ta’ xogħol oħra u jintalab permess lid-Dipartiment tal-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali u l-GWU ma għandha l-ebda problema li tapprova dan il-ftehim. Dan il-permess skont il-liġi jkun dejjem għal 28 ġurnata. Izda l-kumpanija baqgħat tgħid li trid tħassar ftehim eżistenti u jsir ieħor retrattiv minn Ġunju ta’ din is-sena għal erba’ snin sħaħ inkella tagħti s-sensji.
F’dan il-ftehim propost il-ħaddiema jridu jaċċettaw tnaqqis fid-dħul globali tagħhom ta’ 10%. Dan it-tnaqqis jerġa’ jibda jingħata lura bil-mod mill-2022 sa Lulju tal-2024. Barra hekk, il-GWU talbet li jekk il-ħaddiema ser jintalbu jagħmlu dan is-sagrifiċċju allura matul dan il-perjodu ma jkun hemm l-ebda sensja ta’ impjegati. Il-kumpanija qalet li filwaqt li ser tagħmel dak kollu possibbli biex ma jkun hemm l-ebda tkeċċija izda din il-garanzija ma tistax tingħata. Barra minn hekk il-GWU ġibdet l-attenzjoni wkoll li fil-proposta mressqa mill-kumpanija hemm grad li l-paga hija inqas minn dak stabbilit skont il-liġi. Matul ġurnata laqgħat il-kumpanija saħqet li dik hija l-pożizzjoni tagħha finali u jew il-ħaddiema jaċċettaw inkella jkomplu bis-sensji.
It-Tnejn, il-GWU bagħtet id-dokument lill-membri kollha tagħha li huma madwar 91% tal-impjegati tal-Malta Air għall-approvazzjoni tagħhom. L-impjegati kienu vuċi waħda u 85% tal-membri vvutaw kontra li jitħassar il-ftehim li hemm fis-seħħ, u li jiġi ffirmat ftehim ieħor li jnaqqas b’mod drastiku d-dħul tagħhom u għal daqstant tul. Wara l-vot il-GWU infurmat il-kumpanija bid-deċiżjoni meħuda u talbet laqgħa ta’ konċiljazzjoni biex tinstab soluzzjoni.
Il-GWU tinsab kommessa li tkompli bid-diskussjonijiet u jekk verament il-kumpanija trid issalva dawn l-impjiegi allura għandha tpoġġi madwar mejda mingħajr il-ħtieġa ta’ impożizzjoni u theddid la fuq il-ħaddiema u lanqas fuq min qed jipproteġi l-interessi u d-dinjità tal-istess ħaddiema.
//= $special ?>