Internazzjonali

Il-varjant tal-Covid-19: Miżuri li jippermettu ftit movimenti tan-nies u kunsinni mir-Renju Unit

Il-pajjiżi tal-Ewropa qed jevalwaw l-aħjar miżuri u strateġiji biex jippermettu ftit movimenti tan-nies u kunsinni ta’ prodotti mir-Renju Unit. Dan meta l-pajjiżi huma konxji mit-theddida tal-varjant ġdid tal-Covid-19 li feġġ dan ix-xahar fir-Renju Unit u li għandu potenzjal ‘ferm akbar’ li jinfetta lin-nies.

Sadanittant, Franza naqqset il-projbizzjoni għall-ivvjaġġar fir-rigward tar-Renju Unit, meta ċ-ċittadini Franċiżi, iċ-ċittadini Britanniċi residenti fi Franza u s-sewwieqa tat-trakkijiet bil-kunsinni tal-prodotti qed ikunu permessi li jidħlu fi Franza, bil-kundizzjoni li jittestjaw negattiv għall-Covid-19.

Fl-istess ħin, il-messaġġ hu wieħed ċar għas-sewwieqa fis-sens li huma bl-ebda mod, ‘ma għandhom jippruvaw jersqu lejn il-Port ta’ Dover’ mingħajr ċertifikat li mgħandhomx il-virus.

Fl-aħħar sigħat, numru ta’ suldati kienu qed jgħinu lill-ħaddiema mat-taqsima ‘Test and Trace’ tas-servizzi tas-saħħa biex isiru t-testijiet mill-aktar fis għas-sewwieqa.  Madankollu, il-frustrazzjoni fost is-sewwieqa wasslet għal diversi konfronti jaħarqu — u ġlied — mal-pulizija qrib il-port.

Is-Segretarju Britanniku responsabbli mill-Komunitajiet, Robert Jenrick, wissa li jistgħu jgħaddu l-ġranet sakemm jiċċaqalqu t-trakkijiet li qed jiffurmaw serbut twil ħafna fil-port ta’ Dover. It-trakkijiet (lorries) ilhom ‘paralizzati’ mindu, nhar il-Ħadd, ingħalqet il-fruntiera ta’ Franza mar-Renju Unit minħabba l-biża’ dwar il-varjant ġdid tal-Covid-19.

Fi żviluppi oħra, l-Olanda neħħiet il-projbizzjoni ‘għad-dħul tan-nies mir-Renju Unit’ dment li huma jippreżentaw ċertifikat li testjaw negattiv għall-coronaviris.

Madankollu, Singapore, fl-aħħar sigħat, issieħbet ma’ aktar minn 50 pajjiż li qed jimponu r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar mir-Renju Unit fid-dawl tal-kriżi għas-saħħa.

Dan meta l-Ministri Britanniċi qed jikkunsidraw li jestendu l-ogħla stat ta’ limitazzjoni għall-movimenti tan-nies f’aktar zoni u reġjuni tal-Ingilterra. Is-sitwazzjoni fir-Renju Unit għadha inċerta ‘daqs qatt qabel’ fost rapporti li l-varjant ġdid tal-Covid-19 kompla jinfirex b’rata mgħaġġla fost il-popolazzjoni.