Lokali

Jinġabru aktar minn 1,900 rigal għall-inizjattiva Children’s Dreams

Għat-tminn sena konsekuttiva, il-qalb u l-ġenerożità tal-Maltin u l-Għawdxin spikkat waqt l-inizjattiva  Children’s Dreams.

Dan hekk kif mit-tnedija ta’ din l-inizjattiva, 3 xhur ilu, inqatgħet ix-xewqa ta’ aktar minn 1,900 tifel u tifla għal dan iż-żmien ta’ festi.

Kelliema għall-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali spjegaw li ċ-ċittadini semgħu l-appelli tagħhom sabiex jgħinu lil tfal u adolexxenti li l-familji tagħhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli.

Din l-edizzjoni aktar minn qatt qabel, kawża tal-pandemija tal-Covid-19 u l-konsegwenzi li ġabret magħha, ġiegħlet lill-Maltin u l-Għawdxin  jagħmlu dak l-isforz żejjed sabiex iqanqlu tbissima fuq wicc dawk l-aktar fil-bżonn.

L-għan wara l-inizjattiva Children’s Dreams huwa sabiex il-poplu jkun altruwist, u fis-siegħa tal-prova l-Malti ma ddiżappuntax sabiex il-ħolm ta’ dawn it-tfal sar realtà b’aktar minn 1,900 rigal mgħoti lilhom. Is-sabiħ ta’ din l-inizjattiva huwa proprju li kemm id-donatur kif ukoll it-tfal li qed jirċievu dawn ir-rigali ma jkunux jafu l-identità ta’ xulxin, u għaldaqstant fiha jispikka l-valur li wieħed jagħti mingħajr ma jistenna xejn lura.