Coronavirus Kunsilli Lokali Saħħa

“Kollox lest għall-bidu tat-tilqim… imma nibqgħu kawti” – Chris Barbara, Virologu

Kollox jinsab lest għall-wasla tat-tilqima ta’ Pfizer Biontech f’pajjiżna. U f’Mater Dei diġà hemm numru konsiderevoli ta’ infermieri li applikaw halli jitlaqqmu minn nhar il-Ħadd ‘il quddiem.

Il-vaċċin qed jagħti riżultati tajbin ħafna sa issa, u mistenni jagħti protezzjoni effettiva  lil min jieħdu, kif spjega l-virologu Chris Barbara meta kien mistieden fuq il-programm Net Live fuq Net TV.

MINN STUDJI LI SARU, IL-VAĊĊIN SE JAGĦTI PROTEZZJONI FERM AKTAR EFFETTIVA KONTRA L-VIRUS MILLI TAGĦTI L- INFEZZJONI NATURALI

Madankollu sa issa għadu mhux ċar kemm hu twil il-perjodu li jdum jipproteġik dan il-vaċċin.

Dwar persuni li jbatu minn allerġiji, il-virologu spjega li huwa tajjeb li dawn il-persuni jieħdu parir mingħand it-tabib tagħhom qabel jieħdu t-tilqima. Madankollu, hu serraħ ras kulħadd li l-benefiċji tal-vaccin huma akbar mis-side effects li jista’ jkollu.

Fl-ewwel proċess tat-tilqim se jkunu imlaqqma 5,000 persuna… li l-biċċa l-kbira tagħhom se jkunu ħaddiema tas-saħħa.

Chris Barbara tkellem ukoll dwar il-varjant tal-virus li qed jinfirex fdiversi pajjiżi Ewropej, u qal li dan il-varjant qed jinfirex aktar malajr minn kif kien sa ftit xhur ilu.

Il-virologu qal li meta jkun hemm il-maġġoranza tal-persuni li jkunu tlaqqmu nibdew naraw il-virus jitlef is-saħħa tiegħu.

Hu qal li ftit aktar minn 50% ta’ dawk li jitlaqqmu jkunu protetti bl-ewwel doża, iżda bit-tieni doża, tliet ġimgħat wara, il-persentaġġ jitla’ għal 95%.

Chris Barbara appella biex kulħadd jagħmel sagrifiċċju ħalli nibqgħu nipproteġu lil xulxin.