Futbol Sport

Lionel Messi jikser ir-rekord ta’ Pele

Lionel Messi skorja is-644 gowl għal Barcelona fil-partita kontra Real Valladolid, fejn b’hekk kiser ir-rekord li kien miżmum minn Pele tal-iktar plejer li skorja gowls ma’ tim wieħed.

Pele kien skorja 643 gowl għal Santos, fid-19-il staġun li qatta magħhom mill-1956 sa l-1974. Mill-banda l-oħra, Messi skorja l-ewwel gowl tiegħu ma’ Barcelona fl-2005 u minn dakinhar l’hawn rebaħ 10 titli tal-La Liga u erba’ Champions League.

Fl-aħħar ta’ dan l-istaġun se jispiċċa l-kuntratt tiegħu, u hija possibilità kbira li jħalli lil Barcelona wara 15-il sena. Fis-sajf li għadda, l-Arġentin wera’ x-xewqa li jitlaq, iżda l-klabb irrifjuta u wissa’ li jekk xi ħadd ried jakkwista dan il-plejer, riedu jħalsu l-klawsola relatata mal-kuntratt, dik ta’ €700 miljun.

Fir-rebħa ta’ 3-0 ta’ Barcelona nhar it-Tlieta li għadda, partita mill-kampjonat Spanjol, Messi skorja t-tielet gowl fil-65 minuta wara li Lenglet u Braithwaite poġġa lit-tim fil-vantaġġ.