Lokali

Malcolm Pisani jwassal tbissima fi żmien il-festi

“F’dawn iż-żmien ta’ festi, din is-sena aktar minn qatt qabel, irridu nagħmlu sforz kollettiv u npoġġu tbissima fuq fomm min għandu l-aktar bżonn.”

Sostna dan il-kantant Malcolm Pisani li b’inizjattiva tiegħu nnifsu ddeċieda li jferraħ lit-tfal u ż-żgħażagħ b’ġest mill-isbaħ …bil-għan li jwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ f’dawn iż-żminijiet.

Malcolm Pisani spjega ma’ Net News li minkejja d-diffikultajiet li ħabbat wiċċu magħhom tul dawn ix-xhur ta’ pandemija minħabba li l-qasam tal-ispettaklu għadu għaddej qalb ostakli mingħajr ebda preċedent kawża tal-miżuri ta’ mitigazzjoni inevitabbli, hu xorta ħass il-ħtieġa li jferraħ lil ħaddieħor.

Pisani wassal il-kejkijiet fl-Istitut Dar San Ġużepp f’Santa Venera, Dar Fra Diegu fil-Ħamrun, ir-Residenza St. Patrick u l-Krexx tal-Ursolini f’Tas-Sliema, kif ukoll Fondazzjoni RISE fil-Belt Valletta. Hu rringrazzja wkoll lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor taw sehmhom f’din l-inizjattiva mingħajr eżitazzjoni.