Futbol Sport

United u Tottenham fis-semi finali tal-Carabao Cup – telgħu biex jilgħabu kontra Man.City u Brentford

(Ritratt: EPA)

Manchester United għaddew għas-semi finali tal-Carabao Cup permezz ta’ żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-partita fir-rebħa ta’ 2-0 kontra Everton. Mason Greenwood mar viċin li jiftaħ l-iskor għal United fil-25 minuta iżda x-xutt ħabat mal-lasta. EDISON CAVANI fetaħ l-iskor fit-88 minuta meta rċieva ballun mingħand Anthony Martial u b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa kkonkluda. Ir-Red Devils aċċertaw minn post mall-aħħar erba’ permezz ta’ gowl ta’ MARTIAL fis-96 minuta. 

Tottenham għelbu lit-tim miċ-Championship Stoke City 3-1 biex kisbu post mall-aħħar erba’ tal-Carabao Cup. Tottenham fetħu l-iskor wara 22 minuta mill-ftuħ permezz ta’ GARETH BALE b’daqqa ta’ ras wara li rċieva kross ta’ Harry Winks. Stoke City ġabu d-draw fit-53 minuta meta kross ta’ Jacob Brown sab lil JORDAN THOMPSON li waħdu mal-gowlkiper tefa’ fil-ġenb tax-xibka. Tottenham reġaw marru fil-vantaġġ fis-70 minuta minn konklużżjoni b’saħħitha minn barra l-kaxxa ta’ BEN DAVIES. HARRY KANE għalaq il-partita għaxar minuti wara meta rċieva ballun mingħand Moussa Sissoko u għeleb lil Andy Lonergan.

Dan ifisser li l-aħħar erba’ timijiet fil-Carabao Cup huma Manchester City, Manchester United, Tottenham u s-sorpriża tas-sena, t-tim miċ-Championship Brentford.

Il-polza tlaqqa’ id-derby ta’ Manchester

Wara li ntemmet il-partita f’Goodison Park ittellgħu il-poloz tas-semi finali fejn Manchester United se jaffrontaw lir-rivali Manchester City f’Jannar hekk kif Tottenham jilqgħu lil Brentford f’darhom..

Il-partiti se jkunu fuq leg wieħed mhux bħas-soltu home and away u dan biex inaqqas mill-konġestjoni ta’ fixtures. Il-partiti mistennija jsiru fil-Wembley Stadium matul il-ġimgħa tal-4 ta’ Jannar, minkejja l-aħbarijiet ta’ din il-ġimgħa fejn tħabbar l-finali ġiet posposta mid-data oriġinali tagħha tat-28 ta’ Frar għal-25 ta’ April.

Ilbieraħ: Brentford v Newscastle 1-0, Arsenal v Man. City 1-4, Illum: Stoke City v Tottenham 1-3, Everton v Man. United 0-2