Ekonomija Lokali

Sa Novembru, id-defiċit tal-Gvern tela’ b’€1,342 miljun

Jiżdied ukoll id-dejn nazzjonali

Ċifri uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru kif fl-aħħar xhur l-iżbilanċ fil-fondi pubbliċi kompla jiżdied. Dan meta naqas ċertu dħul għall-Gvern, inkluż mill-VAT u mit-Taxxa fuq id-Dħul.

Iċ-ċifri jirriflettu d-daqqa tal-pandemija u l-effett li kien hemm fuq l-infiq tan-nies u l-andament ekonomiku.

Skont l-NSO, bejn Jannar u Novembru, id-defiċit tal-Gvern żdied b’€1,342 miljun. Fir-realtà, il-qabża hi ferm akbar – għaliex minn surplus spiċċajna fi żbilanċ.

L-istess ċifri jindikaw li d-dejn tal-Gvern ukoll żdied b’mod konsiderevoli.

Min-numri jirriżulta li fl-ewwel 11-il xahar tas-sena d-dħul mit-Taxxa naqas b’€204 miljun, filwaqt li d-dħul mill-VAT naqas b’€181 miljun.

L-NSO jindika li għalkemm kien hemm żieda ta’ €58 miljun fuq in-nefqa ta’ benefiċċji soċjali, minn dawn il-flus kienu biss €15-il miljun li marru għal miżuri relatati mal-Covid-19.

Imbgħad, kien hemm għajnuna kbira fejn jidħlu l-vouchers li ingħataw lill-familji – proposta li kienet issawret mill-Partit Nazzjonalista.