Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, ikkundanna d-direttiva tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani biex jinħeles mill-ħabs mexxej politiku Kurd li jappella wkoll għal sezzjonijiet tal-poplu fit-Turkija.
Il-Qorti ddeċidiet li l-priġunerija ta’ Selahattin Demirtas – li tressqulu akkużi relatati mat-terroriżmu – saret b’abbuż ta’ ħames artikli tal-konvenzjoni għad-drittijiet umani.
Madankollu, Erdogan fisser il-verdett bħala ‘xempju tal-ipokrizija’ u sostna li l-qorti ‘ibbażat id-deċiżjoni fuq aspett politiku li kien jaqbel lilha’. Intant, il-Qorti Ewropea, fl-aħħar sigħat, żvelat li – ftit wara l-verdett — xi ħadd wettaq il-hacking għall-websajt tagħha li ‘intilef għal xi żmien’ minn fuq l-Internet.
Selahattin Demirtas kien spiċċa arrestat fl-2016 u, f’Settembru tal-2018, intbagħat il-ħabs għal kważi ħames snin ‘talli produċa u ferrex propaganda terroristika fost il-militanti li qed jiġġieldu kontra t-Turkija’. Demirtas dejjem ċaħad l-akkuża u, fil-fatt, irnexxielu jispiċċa t-tielet fl-elezzjonijiet presidenzjali ta’ Ġunju tal-2018 fit-Turkija wara li mexxa kampanja minn ġoċ-ċella tal-ħabs.
Demirtas kien il-ko-chairman tal-Partit tal-Poplu Demokratiku (HDP) li jappoġġja lill-Kurdi u li fl-2015 sar l-ewwel ‘partit politiku b’dispożizzjoni favur il-Kurdi’ li sab postu fil-Parlament. Dan wara li HDP qabeż it-threshold tal-appoġġ popolari, li hu stabbilit mal-għaxra fil-mija fit-Turkija.
Intant, dan il-politiku, tul is-snin, kien strumentali biex jestendi l-appell tal-partit inkwistjoni, tant li rnexxielu jattira numru ta’ Torok li qabel kienu jappoġġjaw lill-partiti tradizzjonali tat-Turkija.
Iżda wara li, fl-2015, ikkrolla ftehim għal waqfien mill-ġlied bejn it-Turkija u l-militanti Kurdi tal-grupp PKK, kienu seħħew numru ta’ attakki – b’Demirtas u diversi kollegi jispiċċaw akkużati b’rabtiet diretti mal-PKK li t-Turkija tikkunsidrah bħala entità terroristika.
//= $special ?>