Lokali

Il-ħbieb ta’ Robert Abela u Joseph Muscat qed iduru għal xulxin – PN

Jeħtieġ li ssir magħrufa l-verità kollha dwar it-taħwid ta’ James Piscopo u Keith Schembri

L-aħbar li James Piscopo mhux ser ikun qed iġedded il-kuntratt tiegħu bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet hija konferma oħra ta’ kemm l-ogħla karigi fil-pajjiż huma maħkuma mill-klikka ta’ Robert Abela u Joseph Muscat li f’seba’ snin abbużaw, kissru u żarmaw l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna – Hekk saħaq il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija ffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Governanza Tajba, Tisħiħ tad-Demokrazija, għaċ-Ċittadinanza u r-Riforma tas-Servizz Pubbliku, Karol Aquilina u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli, Kevin Cutajar.

L-istqarrija qalet li “id-deċiżjoni li James Piscopo ma jġeddidx l-kuntratt tiegħu qed tintuża mill-Gvern ta’ Robert Abela biex tingħata l-impressjoni li qed tittieħed azzjoni kontra min ikun suspettat li wettaq reat serji fosthom ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.” Kien hawnhekk fejn il-Partit Nazzjonalista fakkar li bħal Keith Schembri, James Piscopo kien u għadu parti mill-klikka ta’ Joseph Muscat u Robert Abela.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista saħaq li “t-tluq ta’ James Piscopo minn Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet mhix biżżejjed biex tissodisfa l-obbligu tal-governanza tajba u titwettaq ġustizzja iżda huwa meħtieġ li b’mod urġenti ssir magħrufa l-verità kollha dwar l-aġir ta’ James Piscopo matul iż-żmien li kien f’pożizzjonijiet ta’ poter fl-Awtorità tal-Artijiet u fl-Awtorità għat-Trasport f’Malta. L-istess jgħodd għal Keith Schembri li kien iċ-Chief of Staff ta’ Joseph Mucat.”

Dan jgħodd aktar u aktar fid-dawl tal-fatt li reċentement James Piscopo bħala Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet ingħata aktar poteri mill-Gvern Laburista fosthom id-dritt li jieħu deċiżjonijiet waħdu mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm l-approvazzjoni tad-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità tal-Artijiet.