Lokali

“Issa iktar minn qatt qabel għandna napprezzaw il-familja” – Il-President ta’ Malta

"Jien għandi fiduċja kbira fil-poplu Malti u Għawdxi. Għandi fiduċja fil-kapaċità tiegħu li jegħleb l-għawġ u t-taqlib, bħalma għamilna min jaf kemm-il darba matul is-snin tal-istorja tagħna."

“Il-COVID-19 m’għandux inaqqsilna mill-ispirtu tal-Milied. Wara kollox, l-ispirtu tal-Milied ma jinħassx biss fil-miġemgħa. Lanqas ma jinħass biss fil-festini u fir-riċevimenti. Nemmen li aħna l-Maltin, li tant ngħożżu l-familja, insibu l-milja tal-Milied fil-ġabra u l-għaqda mal-familja tagħna. Issa iktar minn qatt qabel nistgħu, u għandna, napprezzaw il-familja.”

Kien dan li esprima l-President ta’ Malta, George Vella fl-awguri tiegħu għall-Milied lill-Maltin u l-Għawdxin fejn ta s-solidarjetà u l-kuraġġ tiegħu għal dan iż-żmien tal-pandemija.

Il-President qal li wieħed għandu jagħmel xi forma ta’ kuntatt ma’ dawk għeżież tagħna, permezz ta’ xi telefonata, xi messaġġ, kartolina jew xi rigal żgħir biex nuruhom li, għalkemm iżolati, mhumiex minsija. Dan filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li jduru bil-morda, missjoni li jqisha waħda ta’ mħabba.