Lokali

“Kunu ġenerużi ma’ dawk kollha ta’ madwarna” – Il-Kap tal-PN, Bernard Grech

"Il-pandemija, jekk xejn, ġiegħelitna wkoll napprezzaw aktar il-familja, lil dawk li huma għeżież għalina"

“Il-Milied huwa ż-żmien tal-ġenerożità. L-istedina tiegħi għalhekk hija li ngħinu skont dak u kemm nistgħu lil min hu fil-bżonn u li nirrispondu b’ġenerożità għall-Istrina u għall-ġabra tad-Dar tal-Providenza li se ssir fl-Ewwel tas-Sena.”

Kien dan il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech għall-awguri tiegħu tal-Milied, l-ewwel Milied bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista. Bernard Grech kompla jgħid li din is-sena li ħerġin minnha hija sena storika, mhux biss minħabba l-pandemija, iżda wkoll minħabba t-taqlib li seħħ fix-xena politika Maltija, anke fil-Partit Nazzjonalista wettaqna bidliet importanti.

Hu rringrazzja lil dawk kollha li messew ħajjitna b’xi mod, fir-raħal jew belt tagħna, fl-iskola, fuq ix-xogħol, fl-għaqda jew każin tagħna u ksibna l-ġid mingħandhom u awgura minn issa lil dawk li qed jitwieldu f’dawn il-festi, u nifraħ lill-ġenituri u lin-nanniet tagħhom, ma kull tarbija titwieled tama ta’ bidu ġdid, ta’ dinja ġdida.