Fil-messaġġ tiegħu għall-Milied l-Isqof t’Għawdex Anton Teuma appella biex dan il-Milied ikun wieħed speċjali li fih nerġgħu niskopru s-sbuħija tal-familji tagħna.
Dan il-messaġġ kien l-ewwel messaġġ tal-Milied bħala Isqof t’Għawdex mill-Mons. Teuma fejn semma kif il-Covid-19 tella’ fil-wiċċ id-dgħufija tagħna lkoll, iżda fl-istess waqt, għenna niskopru s-sabiħ li għandna.
L-Isqof kompla l-messaġġ tiegħu b’appell għal kull persuna fil-familja: lill-ġenituri qalilhom jieħdu lil uliedhom ħdejn il-presepju u jagħtuhom bewsa ħa jħossu li Alla jħobbhom, filwaqt li liż-żgħażagħ irrakkomandalhom li jagħtuhom taptipa fuq spallejhom biex jagħtuhom kuraġġ, u biex jgħinuhom jagħrfu li Alla għandu fiduċja fihom. Tkellem ukoll dwar l-anzjani u l-vulnerabbli u tenna li ma nistgħux inwarbuhom.
Lill-miżżewġin u lil dawk f’relazzjoni l-Isqof qalilhom biex iħobbu lil xulxin tassew u jħallu lil Alla jħobb lill-persuna l-oħra permezz tagħhom, filwaqt li lil dawk għaddejjin minn separazzjoni, talabhom iħallu l-piki u l-kunflitti warajhom, u jgħixu Milied fil-paċi, għall-ġid tal-familji tagħhom.
Huwa għalaq billi fakkar li Alla ġie fostna bħala bniedem dgħajjef, u li l-karità u s-sewwa li nagħmlu mal-batut inkunu qed nagħmluh ma’ Ġesù Bambin.
//= $special ?>