Il-kummerċ, is-sajd, servizzi, l-Irlanda ta’ Fuq, ko-operazzjoni fuq oqsma ta’ sigurta’ u xjenza. Dawn huma uħud mis-suġġetti trattati fil-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara li ntlaħaq qbil.
Fl-istampa internazzjonali u tar-Renju Unit, bdew joħorġu dettalji ta’ wħud minn dawn l-oqsma filwaqt li oħrajn ftit li xejn issemmew u dak li ġie maqbul eżatt se jkun magħruf fil-jiem u saħansitra ġimgħat li ġejjin hekk kif jibdew joħorġu iktar dettalji ta’ dan id-dokument ta’ madwar 2,000 paġna.
Kummerċ u aċċess għas-swieq rispettivi
Dan il-ftehim kummerċjali hu wieħed uniku fis-sens fejn ftehim kummerċjali normalment itejjbu l-aċċess għas-swieq rispettivi u jnaqqsu il-burokrazija, dan il-ftehim jagħmel eżatt bil-kontra. Hekk kif minn punt ta’ tluq ta’ moviment għal kollox ħieles issa se jkun hemm iktar kontrolli fil-fruntieri rispettivi tar-Renju Unit u tal-UE. Il-ftehim milħuq fl-aħħar sigħat jevita tariffi għoljin għal prodotti maħduma lokalment iżda xorta se jkun hemm xi tariffi.
Filwaqt li għad m’hemmx ċifri min-naħa Ewropea, l-Office for Budget Responsibility tar-Renju Unit qed jistma’ daqqa ta’ 4 fil-mija fit-tul fuq l-ekonomija Britannika. Din hi ikbar mid-daqqa tal-pandemija iżda l-aġenzija qalet li s-sitwazzjoni kienet tkun ferm agħar li kieku ma ntlaħaqx ftehim.
Is-sitwazzjoni hi kemmxejn differenti fejn tidħol l-Irlanda ta’ Fuq hekk kif prodotti manifatturati fl-Irlanda ta’ Fuq se jkollhom aċċess bla xkiel għas-suq Ewropew iżda dan se jwassal għal xi burokrazija bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-bqija tar-Renju Unit.
Sajd
Wieħed mill-iktar suġġetti jaħarqu – is-Sajd – jidher li ntlaħaq kompromess miż-żewġ naħat. Kwart tal-qabda minn opri tal-baħar tal-UE se jkunu mgħoddija lir-Renju Unit għall-ħames snin li ġejjin. L-istess opri tal-baħar jistgħu jibqgħu jistadu fl-ibħra tar-Renju Unit għall-ħames snin li ġejjin. Wara li jgħaddu l-ħames snin, l-aċċess u l-kwoti se jkunu negozjati sena b’sena.
Sussidji mill-iStat
Kwistjoni oħra kienet dik dwar is-sussidji. Hawnhekk ir-Renju Unit rebaħ konċessjoni importanti hekk kif ir-regolamenti dwar jekk sussidji ikunux qed inaqqru l-kompetittivita’ se jkunu inforzati minn entita’ ibbażata fir-Renju Unit stess. Izda dan il-qafas ta’ sussidji irid jirrispetta prinċipji ewlenin ta’ kummerċ u l-ftehim jipprovdi li ż-żewġ naħat jistgħu jieħdu azzjoni jekk din l-entita’ ma tkunx qed tinforza dawn il-prinċipji.
Programmi ta’ riċerka u skambju
Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ programmi Ewropej, ir-Renju Unit se jibqa’ jipparteċipa fil-programmi xjentifiċi Horizon, Copernicus u Euratom iżda se jkun qed iħallas biex ikun parti minnhom. L-eċċezzjoni hu l-programm ta’ skambji universitarji Erasmus li issa ġie fi tmiemu għal dak li għandu x’jaqsam ir-Renju Unit. Iżda l-Gvern Irlandiż ħabbar li studenti mill-Irlanda ta’ Fuq xorta se jibqa’ jkollhom aċċess għal universitajiet fl-Irlanda.
Sigurta’
Fuq sigurta’, ir-Renju Unit se jibqa’ jikkopera mill-qrib mal-forzi tal-ordni fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea iżda mhux se jibqa’ membru tal-Europol u Eurojust. Anki l-proċedura tal-Mandat Ewropew tal-Arrest mhux se tibqa’ tapplika fir-Renju Unit.
Moviment tal-Persuni
U kif mistenni, il-moviment ħieles tal-persuni issa se jkun ristrett. Persuni li jridu jaqsmu lejn naħa jew oħra fuq xogħol se jkollhom bżonn permess tax-xogħol sa massimu ta’ 90 jum fis-sena.
Il-Passi li jmiss
Naturalment, hawn ħafna dettalji li għad iridu joħorġu fil-jiem li ġejjin hekk kif oqsma kruċjali bħal servizzi finanzjarji u aċċess għall-ispazju tal-ajru ftit li xejn issemmew fl-aħħar sigħat.
F’jum il-Milied, in-negozjatur ewlieni tal-UE Michel Barnier laqqa’ l-ambaxxaturi rispettivi tal-pajjiżi membri sabiex jgħarrafhom dwar id-dettalji ta’ dak miftiehem.
Il-Parlament Ingliż mistenni jitlaqqa’ nhar l-Erbgħa biex jirratifika il-ftehim. L-istess irid jagħmel il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Parlamenti Nazzjonali tas-27 Stat Membru.
//= $special ?>