Il-messaġġ tal-Papa Franġisku lill-Insara madwar id-dinja fil-ħin tal-Angelus, waqt il-barka tal-Urbi et Orbi, saret mis-Sala tal-Benedizzjonijiet fil-Vatikan, minflok mis-solita tieqa li tagħti għal fuq Pjazza San Pietru li kienet għera mill-insara li normalment joħonquha f’Jum il-Milied.
It-tema tal-familja ddominat il-messaġġ tal-Papa li fakkar kif il-Milied ifakkarna kif l-umanità hija magħquda bħall-aħwa għaliex Ġesù twieled għal kulħadd, l-iben li Alla offra lill-familja umana kolha.
Minkejja d-diffikultajiet tal-pandemija, Franġisku fakkar f’dak li qal it-tfajjel Ġesù li l-uġiegħ u l-ħażen m’għandhomx l-aħħar kelma u għalhekk, l-umanità għandha taħdem biex tnissel it-tama u l-komfort billi jgħinu lil dawk fi tbatija u solitudni.
Bil-kliem ta’ tama u faraġ tiegħu, il-Papa qal li t-twelid ta’ Ġesu joffri tama għaliex Ġesù ġie għal kulħadd, irrispettivament mill-fruntieri, mill-privileġġi, mill-esklużjonijiet, mill-pajjiż jew il-kultura. Kien hawn li fakkar li l-COVID-19 mhix l-unika sfida li qed taffaċċja d-dinja u fakkar fil-kriżijiet ekoloġiċi, ekonomiċi, ta’ gwerer u tal-inġustizzji soċjali li wieħed isib madwar id-dinja kollha li jeħtieġ jiġu indirizzati serjament.
Intant, fl-omelija tal-Papa Franġisku fil-Quddiesa Pontifikal ta’ Nofsilejl tas-Solennità tat-Twelid ta’ Ġesù Bambin fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-belt tal-Vatikan, li din is-sena saret sagħtejn qabel il-ħin tas-soltu u quddiem kongregazzjoni ħafna anqas mis-soltu kawża tal-lockdown li bħalissa tinsab fiha l-Italja, huwa qal li “Ġesù ġie fostna bħala tifel biex jagħmilna ulied Alla.”
Minflok, il-miljuni ta’ pellegrini li normalment joħonqu l-Vatikan f’dawn iż-żminijiet qaddisa segwew il-quddiesa tal-Papa fuq ir-radju, it-televiżjoni u bosta mezzi oħra soċjali kawża tal-pandemija.
“It-twelid ta’ Ġesù hija tifkira annwali li fiha nnifisha tħallina nerġgħu nitwieldu mill-ġdid kull sena u li fiH, insibu s-saħħa meħteġa biex negħlbu l-isfidi tal-ħajja.” saħaq il-Papa.
Il-fatt li l-Iben t’Alla twieled għalina fi stalla u mhux palazz, kompla Franġisku, huwa rigal mill-isbaħ, ta’ ferħ ta’ grazzja kbira li ma kinitx tiddependi fuq il-bniedem, iżda kompletament fuq l-imħabba t’Alla għalina.
Għalhekk il-bniedem jeħtieġ isarraf din l-imħabba tenera bla qies fost il-fqir, il-batut, dak bla xogħol jew dik abbużata b’Franġisku jinsisti li l-maxtura ta’ Ġesù Bambin, fqira f’kollox iżda għanja fl-imħabba, għandha tgħallem lill-bniedem biex jsostni lilu nnifsu billi jerħi lilu nnifsu għall-imħabba t’Alla u biex ipatti għal dan, iħobb lil għajjru.
//= $special ?>