Lokali

Għandu total ta’ 1,587 pastur

413…. 1,587… wieħed jistaqsi… dawn iċ-ċifri x’inhuma?

413 huwa t-total ta’ presepji li għandu fid-dar tiegħu Michael Caruana b’1,587 pastur. Presepji minn 18-il pajjiż diferenti fosthom Malta li wħud minnhom imorru lura għal kważi mitejn sena.

Minn presepju f’ġewża għal oħrajn f’kaxxa tas-sulfarini… minn dawk maħdumin bit-tiben għal oħrajn magħmulin bl-arkett u z-zkuk.

Għal dawn l-aħħar għoxrin sena Michael flimkien ma’ martu, żar diversi pajjiżi madwar id-dinja sabiex ikun jista’ jakkwista akatar presepji biex iżidhom mal-kollezzjoni prestiġjuza tiegħu.

Presepju partikolari li jagħmel parti minn din il-kollezzjoni għandu l-oriġini tiegħu fl-Awstrija… pajjiż bi tradizzjoni li fl-ikla tal-Milied isajru kejk tal-Milied u fih jitfgħu l-pasturi… min isib il-Bambin fil-kejk li jieħu, ikun imiss lilu li jagħmel il-kejk tal-Milied is-sena ta’ wara.

Fost dawn il-presepji hemm ukoll uħud minnhom li għamel Michael Caruana stess.

Numru ta’ presepji oħra waslu minn postijiet differenti madwar id-dinja kollha fosthom il-Peru, il-Gwatemala u l-Bolivja.

Minn fost it-tiżjin kollu tal-Milied, bla dubju ta’ xejn li l-presepju jibqa’ l-iktar simbolu importanti li permezz tiegħu tinżamm ħajja t-tradizzjoni tal-Milied madwar id-dinja kollha.