Internazzjonali

“Ġie fostna bħala tifel biex jagħmilna ulied Alla” – Papa Franġisku

“Ġesù ġie fostna bħala tifel biex jagħmilna ulied Alla.”

Kien dan il-qofol tal-omelija tal-Papa Franġisku fil-Quddiesa Pontifikal ta’ Nofsilejl tas-Solennità tat-Twelid ta’ Ġesù Bambin fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-belt tal-Vatikan, li din is-sena saret sagħtejn qabel il-ħin tas-soltu u quddiem kongregazzjoni ħafna anqas mis-soltu kawża tal-lockdown li bħalissa tinsab fiha l-Italja.

Minflok il-miljuni ta’ pellegrini li normalment joħonqu l-Vatikan f’dawn iż-żminijiet qaddisa segwew il-quddiesa tal-Papa fuq ir-radju, it-televiżjoni u bosta mezzi oħra soċjali kawża tal-pandemija.

“It-twelid ta’ Ġesù hija tifkira annwali li fiha nnifisha tħallina nerġgħu nitwieldu mill-ġdid kull sena u li fiH, insibu s-saħħa meħteġa biex negħlbu l-isfidi tal-ħajja.” saħaq il-Papa.

Il-fatt li l-Iben t’Alla twieled għalina fi stalla u mhux palazz, kompla Franġisku, huwa rigal mill-isbaħ, ta’ ferħ  ta’ grazzja kbira li ma kinitx tiddependi fuq il-bniedem, iżda kompletament fuq l-imħabba t’Alla għalina.