Coronavirus Edukazzjoni Knisja Kultura Lokali

IT-TILQIMA – Id-dramm tal-Milied fl-Iskola St. Michael b’mod virtwali

“Qegħdin ngħixu fi żmien pandemija oħra. Fl-istorja tagħha, id-dinja għaddiet minn ħafna pandemiji, imma bejn waħda u oħra jgħaddi ż-żmien u ħadd ma jiftakar ta’ qabilha… Xogħolna se jkun li nsibu tilqima li tibqa’ tgħodd għall-bniedem anki wara li tgħaddi l-pandemija u l-bniedem ikun nesa minn xiex għadda u jerġa’ jaqbad il-ħajja tiegħu ta’ qabel.”

Kliem wieħed mill-karattri fid-dramm virtwali li l-Erbgħa 16 ta’ Diċembru raw l-istudenti kollha tal-iskola St. Michael fl-ewwel siegħa tagħhom minflok id-dramm annwali li jittella’ fuq il-palk tal-istess skola.

Id-dramm “Tilqima”, miktub mill-għalliem Robert Aloisio u b’muntaġġ tal-istudent Matteo Grixti, huwa dramm virtwali ta’ nofs siegħa li fih issir telefonata Skype bejn il-Maġi u karattri oħra fl-istorja tat-twelid ta’ Ġesù biex ifittxu tilqima kontra l-gwaj veru tal-bniedem.

Fid-dramm ħadu sehem 8 studenti minn din l-iskola mmexxija mis-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M., li rrekkordjaw il-parti tagħhom fil-ħin liberu tagħhom u fi tmiem id-dramm virtwali, saret diskussjoni f’kull klassi fejn intwera d-dramm dwar it-tilqima li nstabet fid-dramm.

Ritratt: Skola St. Michael