Lokali

Kuraġġ kbir quddiem kanċer li kważi qeridlu ħajtu erba’ darbiet

Kien wasal fl-aħħar ta’ ħajtu iktar minn darba iżda kull darba ġġilidlu permezz tal-kuraġġ, determinazzjoni u pożittività

Erba’ darbiet… daqshekk irnexxilu jgħeleb il-marda terminali tal-kanċer. Din hija l-istorja ta’ Peter Calmatta li permezz tal-kuraġġ, pożittività, u determinazzjoni huwa rnexxielu jeghleb kull ostaklu anke meta t-tobba qalulu li wasal fl-aħħar ta’ ħajtu.

“Nofs il-fejqan huwa l-kuraġġ u l-fidi,” qal Calamatta. “Jiena dejjem emmint kemm fil-kuraġġ u l-fidi u fil-każ tiegħi dejjem ħadmet din il-formola li vvintajt jiena. Il-kuraġġ u l-fidi huma 50 fil-mija mill-fejqan, bil-50 fil-mija l-oħra hi r-riżultat tal-mediċina.”

Minn vista ta’ rutina li kien jattendi ta’ spiss, Calamatta qalulu li għandu Limforma Non-Hodgkins, kanċer li jaffetwa b’mod agravat lis-sistemà tal-limformi tant li jinfirex mal-ġisem kollu. Din l-aħbar ngħatat lura fid-disgħinijiet, li tfisser li ftit li xejn kien hawn kura u tama għal dan it-tim ta’ kanċer. U b’hekk, dan kien ifisser ukoll li ma seta’ jsir xejn biex il-mediċi jsalvawlu ħajtu tant li din l-aħbar kienet tfisser biss li ħajtu waslet fit-tmiem u ma jista’ jagħmel xejn iżjed ħlief li jgawdi l-ftit li baqalu ma dawk l-iktar qrib tiegħu.

F’intervista li saret minn Nazzjon ma’ Calamatta, hu qal li kien preparat għall-agħar u hekk kif ma kienx jidher li hemm soluzzjoni oħra, hu rrassenja ruħu u kien lest għall-aħħar ftit ġimgħat ta’ ħajtu ma’ dawk l-iktar għeżież għalih. Iżda minkejja li aċċetta li dak hu d-destin tiegħu, xorta waħda ried jisfida is-sentenza mgħotija mit-tobba. Ma kienx lest li jmut ta’ età tant żgħira. Bħala persuna li twieled fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, hu għandu fid-DNA tiegħu li jiġġieled b’kull saħħa li għandu dak kollu li jiġi quddiemu mingħajr eżitazzjoni. Fil-fatt, minkejja li t-tobba bagħtuh lura daru mingħajr ebda tip ta’ medikazzjoni, kura jew soluzzjoni, Calamatta ħareġ minn hemm ġew b’rasu mgħollija lest li jiġġieled kull ħaġa li jiġi quddiemu bl-akbar kuraġġ u mingħajr biża’.

“Dejjem kont persuna pożittiva u qatt ma bżajt mill-inkwiet, b’mod speċjali inkwiet li kienu preparawni għalih,” qal Calamatta.

Calamatta qal li din il-marda kienet tissejjaħ bħala qattiela għax kienet marda li ma kienu għadhom jafu xejn fuqha u kif jistaw jikkurawha. Fil-fatt, Malta ma setgħu jagħmlulu xejn ħlief li l-Professur tiegħu ssuġġerilu li jmur minnufih l-Ingilterra għall-kura, minkejja li lanqas hawnhekk ma seta’ jtih garanzija ta’ kura għall-marda tiegħu. Wara sentejn u nofs jieħu l-kura fl-Ingilterra permezz ta’ kimoterapija, dan fil-fatt ma kienx biżżejjed għax ma ħadmitx fuqu. Infatti, it-tobba fl-Ingilterra tawh biss bejn tliet ġimgħat u tliet xhur ħajja.

Kellu biss 52 sena meta tawh din l-aħbar xejn sabiħa. Aħbar li kienet tfisser li mhux biss ħajtu se tintemm f’kemm ilna ngħidu, iżda saħansitra jħalli tant qraba u ħbieb warajh fl-età li ħafna jkun baqgħalhom tant x’jesperjenzaw f’ħajjithom.

“Jien ħassejt li baqali tant x’nagħti,” qal Calamatta. “Mhux lili imma lill-pajjiż kif urejt biex sebbaħt lil Malta u Għawdex u anke għall-familja.”

Iżda mal-aħbar, minflok qatgħa qalbu u ddeċieda li jqatta’ l-aħħar ftit żmien mal-qraba tiegħu, Calamatta żar sptar li ssir ir-riċerka f’Southampton, l-Ingilterra, fejn dak iż-żmien kienet għadha tibda r-riċerka dwar dan it-tip ta’ kanċer. Sptar li minkejja li kien għadu jibda, kien hemm persuna li qed tagħmel ir-riċerka fuq il-kanċer tiegħu u b’hekk kienet l-unika soluzzjoni għal tama. Minn naħa l-oħra, Calamatta kien il-persuna li kienu ilhom ifittxu. Hu ġie offrut li għall-ewwel darba jittestjaw prodott ġdid fuqu li lanqas biss kien liċenzjat iżda possibilment kapaċi jaħdem.

Ma tantx dam jaħsibha għaliex wara kollox ma kellux ħafna x’jitlef la darba kienu qalulu li ħajtu kienet waslet fl-aħħar xorta waħda. Fil-fatt, imnalla kien ħa dan il-pass tant importanti f’ħajtu għax il-mediċina li nagħta ħadmet perfettament fuqu tant li wara sitt xhur irritorna lura d-dar mal-familja tiegħu kkurat minn dan il-kanċer meqjus bħala qerriedi.

“Dort lejn marti u għidtilha: jekk se mmut, se mmut niġġieled,” qal Calamatta.

Calamatta kien wieħed fost 60 persuna bl-istess marda, u kienu l-ewwel grupp li ttestjaw dan il-prodott, liema prodott kien wieħed li ħadem perfettament fuq Calamatta tant li r-riżultat kien wieħed pożittiv immens għax-xjentisti li fis-snin futuri rnexxilhom itejbu l-prodott għall-pazjenti.

Hu qalilna li ma ridx li jasal f’punt fejn dawk ta’ madwaru jgħidu li seta’ pprova jagħmel xi ħaġa oħra iżda tilef iċ-ċans. Kemm dam fil-ward tal-pazjenti bil-kanċer, Calamatta ra ħafna persuni jbatu u jgħaddu minn żmien ikrah, iżda hu baqa’ kalm. Dan għaliex kienu qalulu li wieħed minn kull erba’ f’familja kapaċi jgħaddi mill-kanċer, u b’hekk ħaseb fit-tliet ħutu l-oħra u emmen li b’hekk huma siguri minn dan. Hu qal li dan kien biss fi ħsiebu iżda ried jemmen hekk biex ikun pożittiv minflok ikisser lilu nnifsu mentalment u jkisser lill-qraba tiegħu miegħu.

“Kont bniedem pożittiv,” qal Calamatta. “Kieku kont bniedem negattiv kont ninxteħet f’rokna nibki. Iżda m’inti se tirbaħ xejn b’daqshekk. L-unika ħaġa li tista’ tirbaħ bil-kuraġġ u l-fidi li jekk alaħares qatt jiġri dak li għandu jiġri, il-mewta tiegħek tkun mewta serena, mhux ta’ disprament. Meta jiġik iċ-ċans fil-ħajja, speċjalment meta tkun dahrek mal-ħajt, tipprova kollox. Kollox tipprova! Pero fuq kollox jien kelli arma sigrieta, li kienet it-talb. ”

Qabel telaq mill-Ingilterra, hu kien mgħarraf li dan l-istess tip ta’ kanċer kapaċi jirritorna għaliex il-kura li ngħata kienet biss trażżanha għal ftit żmien. Fil-fatt, daqs sentejn wara reġgħu qalulu li reġa’ tfaċċa u fis-snin ta’ wara, għal tliet darbiet oħra, hu reġa’ sema’ l-istess kantaliena, dik li jintbagħat lura d-dar għax ma jistgħu jagħmlulu xejn iżjed. Iżda għal darb’oħra, b’kuraġġ u ma jaqta’ qalbu qatt, Calamatta baqa’ jiġġieled permezz tal-fidi tiegħu f’Alla u forza ta’ rieda minħabba s-sempliċi raġuni li kien baqgħalu wisq x’jagħmel f’ħajtu u x’jagħti lil pajjiżu li tant iħobb. Infatti, hu għadu produttiv u għaddej b’determinazzjoni liema bħala anke minkejja li llum il-ġurnata għandu 79 sena.

U b’hekk, hu għadda messaġġ lil dawk li bħalissa għaddejjin minn żmien ikrah minħabba l-COVID-19, żmien li jidher bħallikieku qatt mhu se jgħaddi minn fuqna.

 “Ġie żmien t’hekk,” qal Calamatta. “Jgħaddi dan iż-żmien! Taqtawx qalbkhom. Dan iż-żmien jgħaddi. Id-dinja rota, dejjem tinżel u titla’. Trid tkun pożittiv fil-ħajja għaliex inkella tgħix diskuntent.”

Madwar sena ilu, ħabib tal-qalb tiegħu, Charles Spiteri introduċih ma’ membru tal-bord ta’ Hospice Malta, li minn naħa tiegħu, hekk kif sema’ l-istorja tiegħu minnufih ħeġġu biex jaqbad pinna u jibda jikteb din l-istorja ta’ ħajtu hekk kif permezz ta’ dan kapaċi jespira u jinkoraġġi lin-nies biex fl-ebda sitwazzjoni ma jaqtgħu qalbhom, anke jekk tkun waħda diffiċli ferm. Calamatta ma tantx dam jaħsibha jew qagħad lura hekk kif  jekk bl-istorja tiegħu jirnexxilu jbiddel u jsalvat biss ħajjet persuna waħda, il-missjoni ta’ ħajtu tkun irnexxiet.

Ritratti: Matthew Tabone
Muntaġġ: Gail Mallia
Filmat: Bernie Dimech