Miljuni ta’ persuni maqbuda ‘l bogħod minn pajjiżhom. u mill-maħbubin tagħhom… ħafna maqfula f’darhom….tfal inkwetati li Santa Klaws mhux ġej.
Pandemija li ħarbtet sena sħiħa, u issa ħarbtet ukoll ħafna pjanijiet għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied tista’ tgħid fil-pajjiżi kollha tad-dinja.
Milied fit-trakkijiet għal eluf ta’ xufiera tat-trailers u persuni oħra li kienu qed jivvjaġġaw bejn ir-Renju Unit u Franza u li jinsabu maqbuda fil-port ta’ Dover, wara r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ kawża tal-varjant tal-Covid fil-Gżejjer Ingliżi.
Milied sieket f’Betlehem li ssoltu f’dawn il-jiem ikun miżgħud pellegrini, iżda li din is-sena ra anke ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied imnaqqsa bil-kbir, bħal ma kien sieket u għeri l-Vatikan li ssoltu jkollu eluf ta’ viżitaturi f’dan il-lejl speċjali.
Anke fl-Awstralja li sa ftit ilu kienu pratikament ħelsu mill-virus reġgħu daħlu restrizzjonijiet fl-ivvjaġġar minħabba każi ġodda fil-komunità, biex ħafna kienu dawk li kellhom ibiddlu kompletament il-pjanijiet tagħhom.
Ċelebrazzjonijiet ristretti anke fl-Ażja,fit-Tajlandja, u fl-Indonesja, kif ukoll fil-Korea t’isfel fost l-oħrajn, fejn iċ-ċelebrazzjonijiet ristretti li saru kienu bil-maskri u l-limitazzjonijiet fil-gruppi, bħal f’ħafna postijiet oħra.
Iżda fuq nota pożittiva, f’dawn l-aħħar sigħat, il-katidral ta’ Notre Dame f’Pariġi reġa’ ħa ftit tal-ħajja, wara li aktar minn sena ilu sofra devastazzjoni kbira fi ħruq li qered partijiet kbar tal-binja gotika fosthom is-saqaf tal-injam.
Dan hekk kif lejliet il-Milied reġa’ mtela bl-ilħna sbieħ tal-kor tiegħu li ta kunċert mingħajr udjenza, bil-koristi lebsin hard hat u f’żamma sħiħa tad-distanzi fiżiċi.
U fir-Renju Unit, fejn il-pandemija mill-ġdid qed tagħmel ħerba bil-varjant il-ġdid tal-virus, ftit tal-konsolazzjoni hekk kif diversi żoni tal-gżejjer Brittaniċi qamu għal dak li ħafna joħolmu bih – il-magija ta’ Milied abjad jew kif imdorrijin nisimgħu fil-kanzunetta popolari ferm f’dawn iż-żminijiet, white Christmas.
//= $special ?>