Lokali

Raġel bi ġrieħi gravi wara argument

Ritratt : Arkivji

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 36 sena li jgħix Birkirkara u ieħor ta’ 47 sena li jgħix Ħal Qormi, ingħataw kura f’ċentru tas-saħħa wara li kienu nvoluti f’argument bejniethom.

Għall-ħabta tal-ħdax ta’ dalgħodu, intalbet l-assistenza tal-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra minħabba ġlieda fl-Armier, fil-limiti tal-Mellieħa.

L-ewwel investigazzjonijiet juru li l-argument beda bejn iż-żewġt irġiel u wara kienu nvoluti ukoll mara ta’ 49 sena li tgħix Ħal Qormi u mara ta’ 33 sena li tgħix Birzebbuġa. Allegatament waħda minn nisa tat daqqa ta’ ħadida lir-raġel ta’ 36 sena.

Ir-raġel ta’ 36 sena ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi, filwaqt li r-raġel ta’ 47 sena kellu ġrieħi ħfief.

L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.