Arsenal għelbu lil Chelsea, 3-1, fid-derby ta’ Londra li ntlagħbet fl-Emirates Stadium – b’din tkun anki l-ewwel rebħa għall-Gunners fil-league mill-1 ta’ Novembru. Il-Gunners niżlu għal din il-logħba mingħajr l-attakkant prolifiku Pierre Emerick Aubameyang iżda mill-bidu nett dehru tim mibdul u, wara li qasmu l-logħob ma’ Chelsea fl-ewwel nofs-siegħa, huma marru minn vantaġġ b’penalty skurjat minn LACAZETTE wara l-fawl fil-kaxxa ta’ Reece James fuq Kieran Tierney.
Sekondi qabel il-mistrieħ, XHAKA kabbar il-vantaġġ għal Arsenal bi freekick stupend, bl-aħħar u l-isbaħ gowl għall-Gunners jasal fil-bidu tat-tieni taqsima meta SAKA sab ix-xibka bi cross-shot mill-bogħod.
Il-logħba minn dak il-ħin kienet mitlufa u mirbuħa, b’ABRAHAM jiskorja konsolazzjoni għal Chelsea u bil-Blues anki jitilfu penalty fit-92 minuta – bil-gowlkiper Leno isalva t-tentattiv fjakk ta’ Jorginho mill-ħdax-il metru wara li Pablo Mari kien waqqa’ lil Mason Mount fil-kaxxa.
Manchester United fallew l-opportunità li jitilgħu t-tieni fil-Premier League wara li kienu miżmuma fi draw, 2-2, ma’ Leicester City fil-King Power Stadium. Id-draw ifisser ukoll li United ma rnexxilhomx jilħqu r-rekord ta’ ħdax-il rebħa konsekuttiva barra minn darhom fil-kampjonat li kienu waqqfu Chelsea fl-2008.
Intant, b’dan ir-riżultat, Leicester baqgħu jokkupaw it-tieni post fil-klassifika, tliet punti wara l-liders, Liverpool, u b’vantaġġ ta’ punt fuq ir-Red Devils. Man United ħarġu jfittxu gowl kmieni u fit-23 minuta, Marcus RASHFORD għeleb lil Schmeichel b’xutt fil-baxx għall-1-0, fuq l-assist ta’ Bruno Fernandes. Dan kien il-ħamsin gowl għal Rashford fl-ogħla kampjonat Ingliż — intant, Leicester irreaġew mal-ewwel u Harvey BARNES għamilhom 1-1 b’xutt b’saħħtu li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper, de Gea.
Il-logħba baqgħet kumbattuta u tard fit-tieni taqsima, Bruno FERNANDES reġa’ poġġa lil United fil-vantaġġ wara li rċieva mingħand is-sostitut, Cavani, u mill-ġdid għeleb lil Schmeichel li kien ħareġ biex jagħlaq l-angolu. Madankollu, l-aħħar kelma kienet ta’ Leicester, meta, fuq ix-xutt spekulattiv ta’ Jamie VARDY , il-ballun ixxellef ma’ Axel Tuanzebe u spiċċa fix-xibka ta’ de Gea għat-2-2 finali.
Manchester City kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva fil-Premier League meta fl-Etihad Stadium għelbu lil Newcastle 2-0. Kien IKAY GUNDOGAN li fetaħ l-iskor għal City wara 14-il minuta wara li kkonkluda fuq pass ta’ Raheem Sterling. It-tim ta’ Pep Guardiola, rdoppja fil-55 minuta meta FERRAN TORRES kien l-ewwel fuq il-ballun wara indeċiżjoni fid-difiża ta’ Newcastle biex għamilhom 2-0.
Gowl għaxar minuti mit-tmiem ta’ rebħa oħra għal Everton fuq Sheffield United wara dik tal-ġimgħa li għaddiet fuq Arsenal u b’hekk poġġijhom momentarjament fit-tieni post. Il-gowl ta’ Everton kien skorjat minn GLYFI SIGURDSSON wara li kkonkluda fuq pass ta’ Doucoure.
Aston Villa komplew bil-forma brillanti b’rebħa, 3-0, fuq Crystal Palace f’Villa Park – u fejn il-Villains kellhom jilgħabu għal aktar minn 45 minuta b’raġel inqas wara t-tkeċċija, sekondi qabel il-mistrieħ, ta’ Tyrone Mings għal fawl fuq Wilfried Zaha. Villa fetħu l-iskor minn Bertrand TRAORE wara li l-gowlkiper ta’ Palace, Guaita, kien salva fuq it-tentattiv ta’ Ollie Watkins. Minn dak il-ħin ma naqsux iċ-ċansijiet fuq iż-żewġ lasti, iżda t-tkeċċija ta’ Mings donnha tat saħħa ġdida lill-Villains li, fit-tieni taqsima, skurjaw darbtejn oħra minn Kortney HAUSE u Anwar EL GHAZI li aċċerta mill-punti b’’finish’ perfett fir-rokna tax-xibka. B’din ir-rebħa, Aston Villa jinsabu s-sitta fil-Premier League, b’25 punt minn 13-il partita.
Fulham u Southampton spiċċaw fi dro, 0-0, fi Craven Cottage, b’Fulham jistgħu jħossuhom sfortunati li ma kisbux it-tliet punti, fejn komplew juru titjib fil-logħob tagħhom. Dan meta l-Cottagers issa ilhom ma jitilfu fil-kampjonat għal erba’ logħbiet. Intant, is-Saints kellhom żewġ ‘gowls’ imħassrin mill-VAR – fuq tentattivi ta’ Shane Long u Che Adams – u li t-tnejn, bir-raġun, kienu aġġudikati f’pożizzjoni ta’ offside. Fulham iddominaw għal ħinijiet twal, b’Andre-Frank Zambo Anguissa u Ivan Cavaleiro jitilfu ċansijiet tajbin – l-istess bħal Aleksandar Mitrovic li falla l-bersall bi ftit fl-aħħar ħinijiet.
PREMIER LEAGUE
Illum: Leicester v Man Utd 2-2, Aston Villa v C. Palace 3-0, Fulham v Southampton 0-0, Arsenal v Chelsea 3-1, Man City v Newcastle 2-0, Sheff. Utd v Everton 0-1 Għada: Leeds v Burnley 1.00pm, West Ham v Brighton 3.15pm, Liverpool v WBA 5.30pm, Wolves v Tottenham 8.15pm