Jum storiku fil-ġlieda kontra l-pandemija – dalgħodu, wasal fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta il-vaċċin ghal kontra l-COVID-19, sabiex minn għada jibda jiġi amministrat lill-ħaddiema tal-Isptarijiet.
Kif żvela Net News kmieni filgħodu, it-tilqima waslet b’titjira mill-Belġju, bl-ewwel kunsinja tikkonsisti f’10,000 doża. Dan grazzi għall-ftehim li sar mill-Kummissjoni Ewropea mal-kumpanija Pfizer/BioNTech.

50 persuna se jkunu qed jitlaqqmu l-Ħadd biex imbgħad jibda jirranka l-proċess ta’ tilqim fost il-frontliners u anke l-anzjani li se jingħataw prijorità. Hi mistenni li l-maġġoranza tal-popolazzjoni tibda tieħu l-vaċċin f’April tas-sena d-dieħla.
Dan l-iżvilupp importanti wara aktar minn 9 xhur ta’ pandemija, qed jitqies bħala kruċjali biex l-Ewropa, inkluż Malta, tibda ħierġa mid-daqqa tal-Coronavirus fuq is-sistema tas-saħħa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech permezz ta’ post fuq FAcebook saħaq li qed jilqa’ bi pjaċir il-wasla tal-vaċċin f’pajjiżna. “Din hija solidarjetà fil-prattika u prova oħra tal-benefiċċji tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea”, saħaq Bernard Grech.
