Lokali Saħħa

KUMMENT EDITORJALI: Idawwru mument ta’ għaqda nazzjonali f’attakk partiġġjan fuq il-media

"In-nies mhux imlaqqma, se jkunu jistgħu jitħallew [jidħlu] f'pajjiżna?"

Ħafna rrimarkaw kif kien tal-mistħija l-mod li bih il-Ministru tas-Saħħa dawwar domandi informattivi li kienu qed isiru minn Net News f’attakk fuq il-ġurnalista li għamlithom. Bi Chris Fearne jipprova jirredikola żball ta’ kelma li sar fil-mod kif tpoġġiet id-domanda. Meta l-Ministru nnifsu fehem sew is-sens tal-mistoqsija.

Kien Chris Fearne illi fil-konferenza tal-aħbarijiet mill-ajruport qal “jekk qed tgħid li se nkeċċu n-nies, nista’ ngħidlek li le”. Wara l-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru nnifsu tkellem mal-ġurnalista u indika li kien fehem sew id-domanda. Iżda huwa ċar li rikeb fuq kelma nieqsa li kien hemm fil-mod kif saret il-mistoqsija.

Hija ħasra li Chris Fearne, f’dan il-mument ta’ għaqda nazzjonali, għażel li juża din l-istrateġija li biha prova jirredikola lill-ġurnalisti. Dan meta l-mistoqsijiet li saru minn Net News fl-ebda ħin ma kienu domandi b’doża politika jew li kienu intiżi biex jattakkaw lill-Prim Ministru u/jew lill-Ministru tas-Saħħa.

L-iżbalji jsiru minn kulħadd. Iżda aktar importanti minn hekk hu kemm tkun umli u tammettihom.

U għalhekk, huwa kundannabbli l-ispin u l-fake news li qed jipprova joħloq il-Gvern f’dan il-mument tant delikat fil-ġlieda kontra l-pandemija – għaliex il-gwerra issa se nibdew nirbħula Ministru!

Nota: Net News jappella lin-nies isegwu l-pariri tal-esperti mediċi u (min jista’) jieħu t-tilqima ħalli flimkien noħorġu aktar b’saħħitna minn din il-pandemija.